Il-Partit Nazzjonalista qed ibigħ xirjiet għan-nies.
B’reklam fuq l-istazzjon tal-partit; bil-pakketti tal-għaġin u l-laned tal-corned beef, tat-tonn taż-żejt u l-kunserva, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lin-nies biex jixtru mingħandu.
Fir-reklam intqal: “Il-Partit Nazzjonalista qed joffrilek il-possibilità li tagħżel jew xirja kbira ta’ ħamsa u sebgħin ewro jew waħda iżgħar ta’ €40.”
Fil-lista tax-xirja tal-Partit Nazzjonalista li anki kiseb ONE News, f’xirja ta’ €75 hemm offruti fost l-oħrajn bott kafè, nofs tużżana bajd u ħobża mqatta’.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali sostnew kif ma niżlitilhom xejn tajjeb li l-Partit Nazzjonalista daħal fl-għalqa tal-ħwienet tal-merċa.
“L-ewwel il-kafetterija u issa se ninqdew mill-pandemija u naqilgħu l-flus mill-bejgħ tal-prodotti”, sostna s-sors tagħna fl-istamperija.
L-istess sors qalilna li fil-kuriduri tad-Dar Ċentrali f’tal-Pietà beda t-tgemgim għaliex dan is-servizz jista’ jġelled il-partit man-negozji, speċjalment dawk żgħar.
“Il-partit ġibnieh grocer”, qal wieħed minn dawk li d-Dar Ċentrali kważi twieled fiha li kompla billi saħaq li vera li l-partit jinsab għarkubtejh iżda qatt ma kellu jipprova jieħu vantaġġ mill-pandemija u jidħol f’għalqa li mhiex tiegħu.
Is-sitwazzjoni finanzjarja mwergħa li qiegħed fiha l-Partit Nazzjonalista hi waħda magħrufa.
Din waslet għal terremot fi Frar fejn saħansitra rriżenjaw numru ta’ nies mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia minn karigi importanti fl-istrutturi tal-partit.
Bi Kristy Debono ma riditx taf u b’hekk irriżenjat minn President tal-Kunsill Ġenerali, Robert Arrigo wkoll ħabbar li se jirriżenja minn Viċi Kap.
F’u-turn li għamel, Arrigo, li huwa wkoll it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista saħaq li issa se jibqa’ Viċi Kap.
Intant kienet waslet ukoll ir-riżenja ta’ Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali.
Fl-ittra tiegħu tar-riżenja, Clyde Puli ma tkellimx biss dwar il-firda fil-partit u t-tfixkil li sab mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil iżda saħaq li l-partit wiret dejn kbir.
Saħansitra fuq l-istazzjon Nazzjonalista, Clyde Puli kien qal li kieku ma sabx id-djun li sab, taħtu l-Partit Nazzjnalista kien jagħmel surplus.
Puli kien stqarr: “Kieku ma kienx hemm dawk l-interessi, kieku ma kienx hemm dawk id-djun f’dawn is-sentejn u nofs li għamel taħti dan il-partit kien jimxi bil-profitti.”