Jekk Adrian Delia jixtieq iktar informazzjoni dwar l-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul milli diġa tawh l-investituri privati li ltaqa magħhom, kull m’għandu jagħmel huwa li jsaqsi lid-deputat tiegħu Mario de Marco li ddefenda fil-Qorti l-istess kuntratt li llum qed jitlob li jiġi investigat. Qal dan fi stqarrija il-Partit Laburista.
Il-PL spjega kif wara li l-Gvern kien diġa laqa investigazzjoni mill-PAC dwar il-proġett f’San Vinċenz, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jitlob li ssir din l-investigazzjoni. Nesa, izda, jsemmi dawn il-fatti importanti:
1) Id-deputat Mario de Marco huwa r-rappreżentant tal-konsorzju privat li rebaħ it-tender pubbliku u bħala avukat rebaħ kull appell li tressaq kontra l-kuntratt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed issa jikkontesta.
2) L-eks ministru George Pullicino huwa l-Perit li ddisinja dan il-proġett li issa l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jitfa dubji fuqu.
3) Il-kap Adrian Delia ammetta ħmistax ilu li talab li jiltaqa mal-investituri privati u hemmhekk tawh informazzjoni diretta. Għalhekk huwa stramb kif issa qed jitlob għad-dettalji li kien qal li diġa għandu.
Sostna li l-Gvern diġa ta l-informazzjoni kollha fi stqarrija waħda wara l-oħra. B’differenza minn Gvernijiet preċedenti li kienu jordnaw estensjonijiet b’ordni diretta mill-Kabinett, dan huwa proġett li mexa bi proċess pubbliku skont ir-regolamenti kollha. L-estensjoni ta’ San Vinċenz se twassal biex tonqos il-lista ta’ stennija għal anzjani li għandhom bżonn urġenti għal kura f’residenza.
Temm billi qal li waqt li qed jipprova jimplika li l-konsorzju privat ingħata trattament speċjali mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu li min iddisinja u lil min iddefenda l-proġett f’isem l-istess konsorzju. Ħadd iktar minnhom ma jista jagħti d-dettalji li jixtieq Adrian Delia.