L-eks Direttur tal-Komunikazzjoni u assistent personali tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, Alessandro Farrugia, iddikjara li l-Partit Nazzjonalista għadu ggranfat bis-saħħa mal-passat u, b’hekk, jinsab fl-istat diżastruż li qiegħed fih.
Farrugia, li kien ukoll meqjus bħala strateġista ta’ Grech, li ngaġġah appena laħaq Kap fl-2020, iżda rriżenja sena wara minħabba dawk li ddeskriva “raġunijiet personali”, għamel din id-dikjarazzjoni kontra l-partit tiegħu stess fuq Facebook wara l-attività Nazzjonalista f’Ta’ Qali l-Ħamis.
Hu rrefera għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jagħmel użu mid-diska ‘We Take The Chance’ tal-grupp Modern Talking, li kienet ħarġet 27 sena ilu u kienet intużat fil-kampanja elettorali tal-1998.
Farrugia tenna li dan hu sinjal ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista għadu ankrat fl-imgħoddi.
Waqt li fakkar kif, fid-dinja tal-lum, il-politika qed tinbidel b’pass mgħaġġel u l-komunikazzjoni trid tkun friska, relevanti u qrib in-nies, hemm nuqqas ta’ tiġdid fundamentali fil-PN ladarba għadu jdur mal-istess ritmu.
L-eks strateġista ta’ Bernard Grech fakkar kif kull stħarriġ politiku, li qed joħroġ, jindika li l-fiduċja tal-Partit Nazzjonalista ma’ dawk taħt il-35 sena hi baxxa u raġuni ovvja għal dan kollu hi li l-Partit qed jinsa li persuna, li llum għandha 35, fl-1998 kellha biss tmin snin.
Tenna li dan bla ma jiġu kkunsidrati wkoll dawk li llum jistgħu jivvotaw, imma meta ħarġet id-diska tal-Modern Talking kienu għadhom lanqas biss twieldu.
Farrugia saħaq li ż-żmien fl-Oppożizzjoni mhuwiex xi kundanna, anzi opportunità biex terġa’ tifhem lin-nies, biex tismagħhom u biex taħdem ħalli terġa’ tikseb il-fiduċja tagħhom. Kompla li dan hu ċans biex il-Partit jirrifletti fuq fejn żbalja u jġedded ruħu b’viżjoni ġdida.
“Madankollu jekk partit mhuwiex kapaċi jibdel saħansitra kanzunetta, simbolu ċkejken, iżda sinifikanti ta’ kampanja elettorali, kif jista’ qatt iġedded pajjiż?” temm jgħid Farrugia.