Il-Partit Nazzjonalista għad irid iwieġeb dwar il-każ tal-invoices foloz. Filwaqt li l-Partit Laburista jinnota l-istqarrija tal-Gvern dwar is-sentenza kostituzzjonali, huwa ċar li sa issa hemm konklużjoni waħda li hi ċara kristall u tispikka iktar minn kollox. Din hi dik li l-Partit Nazzjonalista jieħu kull pass li jista’ biex jaħbi t-taħwid tiegħu.Il-Partit Laburista qal li nies bħad-deputati Simon Busuttil u Jason Azzopardi huma protagonisti biex jinħbew wara l-legaliżmi ħalli mingħalihom ikomplu għaddejin jiddefendu għemil li nkixef kumbinazzjoni u li kixifhom bħala fost l-ikbar politiċi ipokriti li qatt kellu l-pajjiż. Dan għax filwaqt li jitkellmu dwar is-sewwa Simon Busuttil kien protagonist fi skema ta’ invoices foloz u taħwid liema bħalu.
Il-ħasra hi li min wiegħed mod ġdid qiegħed biss ittihom ir-riħ għax m’għandux kontroll tal-partit li suppost imexxi. “Jekk irid ikun serju Adrian Delia għandu joħroġ id-dettalji kollha ta’ kif Simon Busuttil ħaddem l-iskema tal-invoices foloz u jgħid x’daħħal minnha l-Partit Nazzjonalista u jagħti assigurazzjoni li ma jeżistux skemi oħra simili”, temm jgħid il-Partit Laburista.