Ir-rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-Qala lanqas kienet ħarset l-interessi tal-Qalin u biex il-Ħondoq ma jiġix żviluppat.
Saħansitra Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista kien favur l-iżvilupp f’Ħondoq u ma oġġezzjonax li tinbena lukanda lussuża ta’ 5 Star Deluxe fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Il-gazzetta KullĦadd analizzat fatti dokumentati fejn il-Kunsill Lokali Nazzjonalista tal-Qala kien spiċċa rtira l-oġġezzjonijiet tiegħu għal żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien u kien aċċetta l-iżvilupp.
Fl-2006, meta Gvern Nazzjonalista permezz tal-eks Ministru għall-Ambjent George Pullicino kien biddel il-Pjan Lokali biex fuq art verġni f’Ħondoq seta’ jsir żvilupp għal skop turistiku u marittimu, f’dik l-istess sena l-Kunsill Lokali tal-Qala mmexxi b’maġġoranza Nazzjonalista kien argumenta favur l-iżvilupp f’Ħondoq.
Dak iż-żmien il-Kunsill kien immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Paul Buttigieg li inċidentalment iġorr l-istess isem ta’ Paul Buttigieg is-Sindku Laburista li għadu jmexxi l-Kunsill tal-Qala u għamel iżjed minn 20 sena jiġġieled b’mod konsistenti kontra l-iżvilupp f’Ħondoq.
Din tal-aħħar kienet u baqgħet il-pożizzjoni konsistenti tal-Partit Laburista li dejjem argumenta favur Ħondoq ħieles u issa Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed jimplimenta miżura tal-manifest ‘Malta Flimkien’ biex f’Ħondoq ma jsirx żvilupp u allura qed ireġġa’ deċiżjoni li qatt ma kellha tittieħed favur Ħondoq.
F’sottomissjoni li kien bagħat il-Kunsill Lokali Nazzjonalista tal-Qala taħt it-tmexxija tas-Sindku kienu saru xi oġġezzjonijiet fuq punti marbuta ma’ żvilupp iżda l-Partit Nazzjonalista fil-Qala kien argumenta favur l-iżvilupp u qal li jaqbel mal-iżvilupp ta’ lukanda 5 Star Deluxe.
Dwar il-lukanda kien inkiteb lil Josianne Vassallo tal-MEPA, “Il-Kunsill Lokali Qala għalkemm jaqbel mal-bini tal-lukanda xorta nħossu li kif spjegat aktar qabel, din għandha tiċċekken”, b’dikjarazzjoni ċara li l-Kunsill Nazzjonalista fil-Qala ma kienx kontra li fuq art ODZ f’Ħondoq isir żvilupp.
Dan kien intqal fit-18 t’Awwissu 2006, xahar wara li Gvern Nazzjonalista kien biddel il-Pjan Lokali.
Erba’ snin biss qabel permezz ta’ Gvern Nazzjonalista u bis-setgħa mogħtija lilu, il-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Guido De Marco ta medda ta’ art ta’ kważi 45,000 metru kwadru lill-kumpanija li riedet tiżviluppa Ħondoq u lill-Patrijiet Agostinjani, li kellhom l-art f’idejhom sa minn żmien il-Kavallieri u li ħadu l-flus mingħand l-iżviluppaturi biex dawn jiffabbrikaw l-art ta’ Ħondoq.
Il-Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami ta dik l-art lill-privat għaliex fi kliem il-President De Marco ma kienx hemm iktar ħtieġa li dik l-art tinżamm għall-pubbliku.
Ftit jiem wara eżatt, jiġifieri f’Lulju tal-2002, daħlet applikazzjoni għal żvilupp b’sitt volumi fejn il-Case Officer, ta’ dak iż-żmien il-MEPA, dam mat-tliet xhur jaqraha.
Dan kien evidentament każ ċar fejn il-pjan biex Ħondoq jiġi mibni kien ilu jitħammel.
Issa jirriżulta li lanqas ir-rappreżentanza lokali li kellu l-Partit Nazzjonalista ma kienet iddefendiet l-interessi tal-Qalin fost oħrajn u spiċċaw taw ruħhom f’idejn l-interessi tal-iżviluppaturi.