L-eks Sindku Nazzjonalista tal-Qala spiċċa jmeri lilu nnifsu fi dritt ta’ risposta li bagħat lil ONE News dwar rapport li juri fatti dokumentati ta’ ittra mibgħuta minnu lil dak iż-żmien il-MEPA fejn turi li hu kien favur żvilupp ta’ lukanda lussuża ta’ ħames stilel f’Ħondoq ir-Rummien.
L-eks Sindku Nazzjonalista Paul Buttigieg, inċidentalment bl-istess isem tas-Sindku Laburista attwali Paul Buttigieg li kien konsistenti mal-pożizzjoni wkoll tal-Partit Laburista kontra żvilupp f’Ħondoq, bagħat dritt ta’ risposta lil ONE News fejn fiha qal li huwa kien kontra l-iżvilupp.
Filwaqt li l-eks Sindku Nazzjonalista kien għamel oġġezzjonijiet għal żvilupp f’Ħondoq, jirriżulta li ftit ġimgħat wara li Gvern Nazzjonalista taħt l-eks Ministru George Pullicino biddel il-pjan lokali biex f’Ħondoq seta’ jsir żvilupp, l-istess eks Sindku Nazzjonalista kien kiteb ittra għan-nom tal-Kunsill Lokali tal-Qala mmexxi minnu u fiha wera biċ-ċar li mhux jopponi għal kollox l-iżvilupp f’Ħondoq.
“Il-Kunsill Lokali Qala għalkemm jaqbel mal-bini tal-lukanda xorta nħossu li kif spjegat aktar qabel, din għandha tiċċekken u ma tkunx il-kobor kif indikat”, kien kiteb Buttigieg tal-Partit Nazzjonalista f’Awwissu tal-2006.
Dan ifisser li kemm Gvern Nazzjonalista u anki r-rappreżentanza lokali li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-Qala ma kienetx iddefendiet l-interessi tal-Qalin fost oħrajn u spiċċaw taw ruħhom f’idejn l-interessi tal-iżviluppaturi.
Dan anki jekk fi dritt ta’ risposta li bagħat lil ONE News, l-eks Sindku Nazzjonalista semma numru ta’ sforzi li bihom qal wera kemm oġġezzjona għall-iżvilupp iżda l-fatti dokumentati juru li hu kien favur żvilupp ta’ lukanda.
Fl-2002 Gvern Nazzjonalista u bis-setgħa mogħtija lilu, permezz tal-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Guido De Marco, ta medda ta’ art ta’ kważi 45,000 metru kwadru lill-kumpanija li riedet tiżviluppa Ħondoq u lill-Patrijiet Agostinjani, li kellhom l-art f’idejhom sa minn żmien il-Kavallieri u li ħadu l-flus mingħand l-iżviluppaturi biex dawn jiffabbrikaw l-art ta’ Ħondoq.
Il-Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami ta dik l-art lill-privat għaliex fi kliem il-President De Marco ma kienx hemm iktar ħtieġa li dik l-art tinżamm għall-pubbliku.
Ftit jiem wara eżatt, jiġifieri f’Lulju tal-2002, daħlet applikazzjoni għal żvilupp b’sitt volumi fejn il-Case Officer, ta’ dak iż-żmien il-MEPA, dam mat-tliet xhur jaqraha.
Dan kien evidentament każ ċar fejn il-pjan biex Ħondoq jiġi mibni kien ilu jinħema fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Issa, propju nhar it-Tlieta li għadda, wara laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar deċiżjoni importanti meħuda mill-eżekuttiv tal-pajjiż.
Fil-fatt il-Kabinett ta’ Gvern immexxi mill-Prim Ministru Abela approva dokument li se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika dwar Ħondoq bil-għan li jibqa’ mhux mittiefes jew inkella mhedded minn xi żvilupp, kif kien il-każ għal dawn l-aħħar 22 sena.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Prim Ministru kien diġà rrimarka dwar l-implimentazzjoni ta’ miżura numru 319 fil-manifest ‘Malta Flimkien’ biex Ħondoq jibqa’ ħieles minn kull żvilupp.
Dan permezz ta’ bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-Gvern ireġġa’ lura deċiżjoni li kien ħa Gvern Nazzjonalista fl-2006 li fil-bajja ta’ Ħondoq seta’ jsir żvilupp għal skop turistiku u marittimu.