F’konferenza tal-aħbarijiet kompliet taqa’ l-maskra tal-Partit Nazzjonalista fejn mill-ġdid ġew kritikati l-inċentivi u l-iskemi mogħtija mill-Gvern biex persuna tixtri karozza elettrika.
Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista, permezz tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, ikkonferma li jrid il-grant għax-xiri ta’ karozzi elettriċi jieħduh huma, iżda mhux il-poplu.
Dan ifisser li taħt Gvern Nazzjonalista, l-eluf ta’ grants li jingħataw biex persuna taqleb mill-fjuwil tradizzjonali għall-elettrifikazzjoni ta’ vettura ma jibqgħux jingħataw.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, li dan il-Gvern ta fost l-aqwa inċentivi finanzjarji lill-persuni biex ibiddlu l-vetturi li jużaw combustion engines għal dawk elettriċi. Dan apparti skemi oħra bħall-iscrappage scheme li se jiżguraw li jkollna vetturi aktar ambjentalment sostenibbli.
Għal min jagħżel li juża vettura elettrika, Gvern Laburista se jibqa’ jagħtih inċentiv b’saħħtu, mhux biss għax-xiri ta’ karozza imma anke dwar ħelsien mit-taxxa tar-reġistrazzjoni u ħelsien mit-taxxa taċ-ċirkolazzjoni mil-liċenzja tat-triq. Inizjattivi b’saħħithom għal min iwettaq l-għażla li jmur għal vettura privata, bl-inqas ħsara ambjenatli possibli.
“Dik hi d-differenza bejn il-politika tal-kastig u l-politika tal-inċentiv”, temm jgħid il-Partit Laburista f’din l-istqarrija.