“Il-Partit Nazzjonalista għamel biċċa xogħol tajba biex juri t-triq il-quddiem ta’ partit fi kriżi.” Kliem l-opinjonista ta’ esperjenza u blogger fuq timesofmalta Victor Calleja.
Din id-darba l-opinjoni dwar l-istat li spiċċa fih il-Partit Nazzjonalista kitibha fuq Malta Winds. Calleja qal li għamel tajjeb il-Partit Nazzjonalista li għażel it-trasparenza bħala waħda mit-temi tiegħu, iżda minflok huwa l-Partit Nazzjonalista li spiċċa trasparenti.
Id-diskors ta’ Victor Calleja jingħaqad ma’ ta’ ħafna oħrajn, li ftit ġimgħat qabel il-festi tal-Indipendenza, qed jinnotaw kif it-tmexxija ta’ Simon Busuttil ħalliet fi kriżi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Jgħid li fi żmien li faqqa l-każ tal-Panama l-affarijiet dehru sejrin tajjeb għall-Partit Nazzjonalista u l-oppożiżżjoni kienet qed tgħamel pressjoni kontinwa.
Iżda, imbagħad bdew ċertu riflessjonijiet.
Iddeskriva ċerti deċiżjonijiet bħala li ma jagħmlux sens jew mhux raġunati. Qal li meta ta ultimatum lill-Gvern, Simon Busuttil wassal għal waħda mill-iktar xeni redikoli fil-politika Maltija. “Għaliex thedded jekk mintx kapaċi tasal?” kiteb Calleja li nnota wkoll li l-mozzjonijiet fil-parlament, waħda wara l-oħra, ukoll setgħu saru aħjar.
Calleja qal li mhux se jagħti pariri. “U serjament naħseb li anke jekk jingħata pariri tajjeb Simon Busuttil u l-konsulenti tiegħu ma jisimgħux.”
Għax skont Calleja l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn mill-aħħar elezzjoni.
Jinnota wkoll kif filwaqt li jitkellem fuq korrettezza l-Partit Nazzjonalista ma damx ma’ reġa’ daħħal bħala Sindku lil Samuel Azzopardi li nstab li saq xurban u rrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs.
Fuq kollox jikteb Calleja, li dejjem issimpatizza mal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista jrid jorganizza ruħu mill-ġdid. Biex fi ftit jiem waslet kundanna oħra għal mod kif qed imexxi Simon Busuttil.