B’reazzjoni għal attakk ieħor kontra l-Kummissarju tal-Pulizija mill-Partit Nazzjonalista u l-membri tal-establishment fi ħdanu, il-Partit Laburista qal, fi stqarrija, li l-uniku Gvern fil-pajjiż li kellu l-kuraġġ jibdel il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, kien Gvern Laburista.
Dan meta, f’waħda minn sensiela ta’ riformi li jsaħħu l-governanza, il-Gvern immexxi minn Robert Abela ħoloq sistema ġdida li taħtar il-Kummissarju tal-Pulizija u li tinvolvi l-iskrutinju tal-Parlament, anke jekk l-Oppożizzjoni kienet bdiet tattakka lil Angelo Gafà qabel biss daħal fil-kariga.
Il-Partit Laburista fakkar li, waqt li llum il-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq skrutinju tal-Parlament, dak iż-żmien iddeċieda li ma jipparteċipax f’tali skrutinju, għax kien diġà determinat li jattakka lill-Kummissarju. Hekk jagħmel min ma jirrispettax l-istituzzjonijiet jew min irid jinfluwenzahom bl-attakki tiegħu, saħaq il-Partit Laburista.
Bil-kuntrarju, Gvern Laburista jirrispetta l-istituzzjonijiet billi jsaħħaħhom u, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien seta’ jaħtar lil min irid bħala Kummissarju tal-Pulizija, għażel li jirriforma u introduċa proċess li kien jinvolvi sejħa pubblika u proċess mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u s-sehem tal-Parlament Malti. Dan f’kumitat li wkoll beda Gvern Laburista, temmet tgħid l-istqarrija.