“Gvern Nazzjonalista ċaħħadni milli nkun wild ta’ dan il-pajjiż. Il-Prim Ministru wara biss għaxar ġurnata fil-Gvern tani dak li kont imċaħda minnu u li għandu kull persuna.”
Dan kien kliem Joanne Cassar waqt Pjazza fi Pjazza fl-Isla, li wara li kienet ilha snin tiġġieled fil-Qrati biex tkun tistà tiżżewweġ lil maħbub tagħha wara li biddlet is-sess, Gvern Laburista wara għaxar ġurnata biss lil Joanne bidlilha ħajjitha.
Taħt Gvern preċedenti minkejja li quddiem il-Qorti Ewropea tad-drittijiet rebħet il-każ, Gvern Nazzjonalista dejjem appella, kien biss Gvern Laburista li jħaddan il-valuri ta’ tolleranza li ċeda u preżenta emendi fil-Kodiċi Ċivili li grazzi għalihom llum Joanne ilha aktar minn sentejn miżżewġa u se tkun qed taddotta ukoll.
Joanna stqarret li meta tisma’ lil Simon Busuttil jitkellem dwar il-libertajiet ċivili tkompli tikkonferma kemm hu “giddieb”.
“Bil-każ tiegħi, kellu platt tad-deheb biex jgħallem lill-poplu u lis-soċjetà u jtina dak li suppost jemmen fih. Iżda ma għamilx hekk, lili ħallini tmien snin fil-Qorti.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ta lura l-aktar ħaġa bażika li Joanne kienet imċaħħda minnha, iżda mhux biss. Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat ta drittijiet ċivili lil persuni LGBTIQ għall-ewwel darba biex llum pajjiżna huwa l-iktar pajjiż fi klassifika ppubblikata li għandu politika miftuħa favur persuni LGBTIQ. Iżda dan għal Prim Ministru mhux biżżejjed.
” Illum aħna ninsabu qabel fil-klassifika minn dawk il-pajjiżi li erbà snin ilu konna nħarsu lejhom bħala eżempju. Wasalna għax ħadna d-deċiżjonijiet, iżda aħna ma rridux li nkunu l-aqwa fl-Ewropa iżda rridu nkunu l-ewwel fid-dinja.”
Il-Prim Ministru tenna li meta pajjiżna ħa d-deċiżjonijiet quddiemu kien qed jara figuri li juru li kienu 12% biss tal-Maltin li kienu favur unjoni ċivili.
“Iżda ma bżajniex minn numru, aħna biddilna n-numri. Fil-fatt l-aħħar statistika uriet li llum il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jaqblu mal-unjoni ċivili f’pajjiżna.”
Dan juri d-differenza bejn Gvern Nazzjonalista u Gvern Laburista li meta fil-parlament ittieħed il-vot li biddel il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni, l-Oppożizzjoni astjeniet.
“Biex għamilna dan konna waħedna għax ħaddieħor astjena. Issa l-istess persuni qed jgħidu li mhux se jreġġgħu l-arloġġ lura. Imma din mhux il-kwistjoni, aħna rridu li nimxu aktar ‘il quddiem.”
Hawnhekk, il-Mexxej Laburista għamel referenza għall-proposti li ħabbar il-Partit Laburista li bihom qed iwiegħed li Gvern Laburista se jkun qed jintroduċi aktar drittijiet ċivili.
Il-Prim Ministru saħaq li dawn il-proposti huma msejsa fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza. Fil-fatt Joseph Muscat qal li sas-Sajf ġaladarba it-tmexxija tibqa’ f’idejn Gvern Laburista, se jkun qed jagħti d-dritt taż-żwieġ lil koppji tal-istess sess.
Kienu bosta t-testimonjanzi li għamlu dawk preżenti ma folla kbira li nġabret fl-Isla. Kollha kellhom kliem ta’ Grazzi għal Joseph Muscat u Gvern Laburista u kienu bosta li stqarru li fit-tlieta ta’ Ġunju se jkunu qed jivvottaw għal dan il-Moviment.