L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Bernard Grech, għamlet tentattiv biex tieħu l-liġi tal-IVF lura minflok ’il quddiem.
Dan għamlitu waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi, li saret it-Tnejn waranofsinhar u li matulha ġiet diskussa fi stadju ta’ Kumitat il-liġi proposta mill-Gvern dwar l-IVF.
Waqt il-laqgħa, l-Oppożizzjoni ressqet emenda li biha saħansitra lanqas riedet li l-proċess tal-IVF isir meta ġie diskuss il-PGTM.
Il-PGTM huwa proċess li jitħaddem b’teknoloġija avvanzata li jinkludi ttestjar għal kundizzjonijiet ġenetiċi serji u li huma elenkati fi protokoll li joħroġ mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
L-emenda li riedet tressaq l-Oppożizzjoni kienet se torbot idejn il-professjonisti mediċi u tieħu l-liġi tal-IVF lura minflok ’il quddiem.
Qal, “Intom qegħdin tgħidu jekk hemm riskju, ma tistax tagħmilha. Kollox għandu r-riskju fil-mediċina. Anki jekk tagħti aspirina, kollox. Intom tridu tmorru lura għall-2012. Mhux talli ma tridux tiġu ’l quddiem mill-2018, tridu tmorru lura għall-2012. M’aħniex se naċċettawh dan. Qegħdin turu l-kuluri vera tagħkom. Intom konservattivi u tridu terġgħu tmorru lura għall-2012 u m’aħniex se nħallukom.”
Il-Ministru għas-Saħħa rrimarka li l-Gvern huwa kontra l-emenda mressqa mill-Oppożizzjoni, li baqgħet tilgħab u, fl-aħħar mill-aħħar, ħarġet kontra l-PGTM testing.
Qal, “Kollox għandu alternattiva medika u fil-verità, kull ħaġa li tagħmel, tista’ jew tagħmel A jew B. Intom qegħdin tgħidu li la tista’ ssir A u lanqas B, mhux qed tgħidu tagħmel dak li l-aktar jaqbel lill-pazjent. Qed tgħidu jekk hemm proċedura alternattiva, ma tagħmel xejn. Mela jekk inti għandek żewġ mediċini biex tfejjaq pazjent, m’intomx qed tgħidu uża l-aqwa mediċina. Qed tgħidu għax hemm alternattiva, la tuża t-tajba u lanqas tuża l-inqas tajba. Allura ma tagħmilx sens. Intom qegħdin tgħidu ma tistgħux tagħmlu proċeduri ta’ IVF.”
Fl-isfond ta’ dawn l-argumenti b’saħħithom min-naħa tal-Gvern, il-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat parlamentari ħarġu anki jagħmlu xi telefonati u mbagħad irtiraw l-emenda mressqa.
Bil-liġi tal-IVF proposta mill-Gvern, kif imwiegħed fil-manifest elettorali, sa mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid aktar persuni jistgħu jsiru ġenituri f’pajjiżna stess.
Dan se jkun jista’ jsir mhux biss permezz ta’ ttestjar li jsir – mhux b’kapriċċ iżda biex jeżamina għall-kundizzjonijiet ġenetiċi serji li jistgħu jwasslu għall-mewt f’qasir żmien wara t-twelid – iżda anki biż-żieda ta’ ċikli mingħajr ħlas, fost l-oħrajn.
Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni nqabdet li ma kinitx taf x’qed tgħid fuq il-liġi meta Bernard Grech ma kienx jaf x’fihom il-liġi tal-IVF u l-protokoll propost, li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Dan għax dak li talab li jsir Grech, il-polar body testing – jiġifieri ttestjar fuq il-bajd – huwa diġà propost u mniżżel fil-protokoll.
Wara li kien tkellem Grech fil-Parlament, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, mar fuq ix-xandir nazzjonali u qal li l-Oppożizzjoni hi kontra l-PGTM testing fil-maġġoranza tal-każijiet.
Din il-konfużjoni fil-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġiet deskritta mill-midja indipendenti bħala waħda “tal-ping pong”.