Il-Partit Nazzjonalista m’għandu ebda kredibilità meta jitkellem dwar il-finanzi tal-pajjiż hekk kif qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern qed ifalli fl-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, mentri hija l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qed tfalli test wara l-ieħor f’dan il-qasam.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija fejn tenna li l-Partit Nazzjonalista lanqas biss kien kapaċi jippubblika dokument ta’ qabel il-budget.
Intqal li jkun iktar għaqli għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li flok tiffoka dwar l-imgħax fuq id-dejn nazzjonali, li huwa taħt kontroll, tikkonċentra fuq kif se tindirizza kwistjonijiet finanzjarji fi ħdan l-istess partit.
Dan fi sfond ta’ kif il-poplu qed jistenna lill-Partit Nazzjonalista, li tant jisħaq fuq it-trasparenza, biex jippubblika l-kontijiet awditjati kif inhu obbligat skont il-liġi.
Il-Partit kompla jirrimarka li dan il-Gvern għandu rekord fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja, kif ukoll ċertifikat wara l-ieħor minn aġenziji internazzjonali tal-credit rating u l-Kummissjoni Ewropea.