Il-fatti juru li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibbiltà meta jitkellem dwar l-ekonomija, wisq inqas meta jiġi biex jagħmel kritika dwar id-direttiva tal-ETS, li għadha kemm iddaħħlet fl-Unjoni Ewropea b’taxxa marbuta mat-tbaħħir tal-vapuri tal-merkanzija.
Dan ingħad mill-Partit Laburista f’reazzjoni għal stqarrija ftit qabel mill-Partit Nazzjonalista, li stqarr li din kienet xi frott ta’ inkompetenza u arroganza tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Minkejja dan, l-istess direttiva kienet deskritta bħala storika u kruċjali minn ħadd ħlief il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, xhieda tal-qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista, fejn min jgħid mod u min jgħid ieħor.
Il-Partit Laburista żied jgħid li hu jibqa’ l-uniku soluzzjoni biex ikun hemm rimedji għall-ekonomija Maltija, anke biex tingħeleb din l-isfida wkoll.
Żied jinnota li l-Oppożizzjoni reġgħet għażlet li tkun partiġġjana biex tiskorja punti politiċi, minflok tissalvagwardja l-interess nazzjonali u b’hekk uriet li dejjem kienet fuq in-naħa tal-awsterità. L-istess dwar kif qed tagħmel dwar din id-Direttiva Ewropea li tapplika għal kull stat membru, billi f’Malta tattakka l-Gvern u fi Brussell tiddeskriviha bħala leġiżlazzjoni storika.
“Mhemmx dubju li ffaċċjat bi sfida, Gvern Laburista jibqa’ jaħdem favur in-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin u jibqa’ kommess li jaħdem mill-qrib mal-imsieħba soċjali dwar kwalunkwe sfida li jiffaċċja l-poplu Għawdxi u Malti, filwaqt li bil-fatti se jkompli jimplimenta l-baġit li ħabbar is-sena l-oħra bl-aqwa għajnuniet lill-pensjonanti, il-familji u n-negozji”, temm jgħid il-Partit Laburista.