Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech għadu bla costings anki fuq proposti għal Għawdex.
Dan ħareġ biċ-ċar f’dibattitu politiku fuq TVAM meta d-Deputat u Kandidat Nazzjonalista fuq it-tlettax il-distrett Chris Said, ħawwad u ma kienx jaf dwar kemm se jiswew il-wegħdiet li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għall-gżira Għawdxija.
Evidentament skomdu quddiem il-fatt li r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija f’Għawdex tiżboq dik f’Malta, Said baqa’ negattiv.
Qal, “F’disa’ snin ma għamiltu assolutament xejn.”
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat Laburista Christian Zammit qal li n-nies jafu kif dak li l-Partit Laburista qed jipproponi se jwettqu.
Qal, “Il-Partit Laburista għandu track reckord ta’ suċċess f’Għawdex f’dawn l-aħħar disa’ snin, rajna tkabbir ekonomiku bla preċident u llum il-qgħad f’Għawdex hija prattikament ineżistenti, ix-xogħol f’Għawdex jiġri wara l-Għawdxin, b’differenza minn disa’ snin ilu fejn kellek problemi kbar fejn jidħol ix-xogħol għax kellek rata ta’ qgħad allarmanti u llum għall-Għawdxin Gvern Laburista jfisser serħan il-moħħ u għaldaqstant naħseb illi se jerġgħu jikkonkorru bis-saħħa wara l-Partit Laburista biex jikkonfermawh ħalli jkollhom futur sabiħ u fis-sod.”