L-inkwiet għall-Partit Nazzjonalista mexa wkoll fil-lokalitá tal-Belt Valletta hekk kif dawk fid-Dar Ċentrali m’humiex kuntenti bis-Sindku, Alexei Dingli.
Żvelat dan il-gażżetta Kullħadd hekk kif ħafna nnuttaw li waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista fil-Fosos tal-Furjana wieħed mill-ftit kunsilliera li tkellmu waqt il-laqgħat kien Chris Micallef – il-Viċi Sindku.
Hemmhekk huwa għamel diskors imqanqal dwar kif irid jaħdem sabiex il-Partit Nazzjonalista jżomm il-maġġoranza u jibqa’ fortizza Nazzjonalista.
L-artiklu tal-Kullħadd jispjega wkoll li minkejja li Micallef huwa wieħed mill-iktar nies qrib l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, jidher li qed jagħżel li jdoqq id-diska tat-tmexxija ġdida fi ħdan il-Partit sabiex dan ikun jista’ jżomm postu.
Madankollu minkejja li dan jagħmlu l-għażla awtomatika tal-Partit Nazzjonalista, Micallef mhuwiex il-kandidat idejali.
Dan wara li għal bosta snin Chris Micallef appoġġja kull deċiżjoni li ħa s-Sindku u l-falliment tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta huwa jagħmel parti minnu.
Fil-fatt il-Kunsill Lokali tal-Belt fl-aħħar snin huwa wieħed mill-iktar li kellu nuqqasijiet finanzjarji u mhux darba u tnejn kellu twiddiba tal-Awditur Ġenerali.
Intant kien il-Gvern li għin jagħti spinta lill-Belt Valletta permezz ta’ proġetti bħal tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), il-Fondazzjoni Valletta 18 u ministeri diversi li bejniethom investew miljuni fl-aspetti infrastrutturali, kulturali u soċjali tal-belt kapitali ta’ pajjiżna.