Il-Partit Nazzjonalista għaddej b’kampanja ta’ gideb fuq il-ħabs, saħansitra fuq imwiet ta’ individwi fil-ħabs.
Il-gazzetta KullĦadd irraportat kif f’artiklu fuq gazzetta, id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal li taħt il-Ministru Byron Camilleri kien seħħew 14-il każ ta’ suwiċidju.
Iżda waqt li kien fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana, il-Ministru Camilleri qal li fl-aħħar ħames snin kien hemm biss ħames każijiet ta’ suwiċidji.
Il-Ministru għall-Intern kien ċar u fisser il-ħidma kbira li qed issir biex dawn l-istanzi kemm jista’ jkun ikomplu jonqsu jew jiġu evitati, għax wara kull bniedem hemm familja.
Il-KullĦadd innotat ukoll li l-midja Nazzjonalista wkoll tigdeb fuq il-ħabs, hekk kif ftit ilu ħarġet aħbar dwar attentat ta’ suwiċidju, iżda ġiet imgiddba immedjatament mit-tmexxija tal-ħabs.
Intqal kif persuni midħla tal-qasam jgħidulek li l-ħabs illum lanqas jintgħaraf mill-ħabs kif kien taħt Gvern Nazzjonalista.
F’intervista riċenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Ħabs Chris Siegersma ikkonferma li għal sena oħra ma kienx hemm priġunieri li ttestjaw pożittivi għad-droga. B’din iċ-ċirkostanza żgur ma kinitx isseħħ taħt Gvern Nazzjonalista, hekk kif dak iż-żmien id-droga fil-ħabs kienet l-ordni tal-ġurnata.