Il-Partit Nazzjonalista għamel kampanja sħiħa bbażata fuq allegazzjonijiet foloz kontra Chris Fearne. Allegazzjonijiet li ġew imxejna wara li l-Pulizija investigathom u lkoll irriżulta li kienu foloz u mhemm l-ebda bażi għal azzjoni kriminali.
Dan kollu kien idur fuq rapport ta’ sit ibbażat fi Brussell, li kien allega li bint Carmen Ciantar, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, irċeviet flus biex dawn, imbagħad, jgħaddu għand Chris Fearne.
Madankollu, l-istess sit, jiġifieri l-EU Reporter, ftit wara mhux biss irtira din l-istorja giddieba, iżda ammetta li kien ippubblika storja mimlija allegazzjonijiet foloz.
Meta kienet ħarġet din l-istorja giddieba, inkluż fuq Chris Fearne, il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel ħareġ bl-attakk tiegħu kontra d-Deputat Prim Ministru dak iż-żmien u ried jirkeb fuq dawn l-allegazzjonijiet foloz.
Il-Partit Nazzjonalista kien qal li Fearne għandu jwieġeb.
Fl-istess waqt, fil-jum ta’ nhar it-Tnejn, fit-Times u fil-Boston Globe ġew ippubblikati rapporti dettaljati fejn intqal li l-kumpanija Steward Healthcare, li kellha l-isptarijiet f’idejha bil-ftehim tal-konċessjoni, kienet qed tagħmel kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn u allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ Chris Fearne.
Ġie rrapportat kif Fearne kien vittma ta’ kampanja organizzata mħallsa minn Steward Healthcare u li fiha ntefqu mas-sitt miljun ewro.
Ingħad ukoll li biex lil Fearne ssirlu ħsara, tqabbdu anke xi kumpaniji barranin, inkluż f’Londra.
Fl-istess waqt li għaddej dan kollu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia mexxew b’kawża li m’għandha assolutament ebda bażi fejn iridu li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll Chris Fearne, fost oħrajn, jiġu mfittxijin personalment għad-danni b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dan meta l-Prim Ministru u Fearne m’għamlu xejn ħlief iddefendew l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna kontra Steward fuq il-kwistjoni tat-tliet sptarijiet.
Terġa’ dan qed isir anke jekk is-sentenza definittiva mill-Qorti tal-Appell, li ħassret il-ftehim tal-isptarijiet, ma individwatx persuni, wisq iżjed lil Dr Abela u Mr Fearne.
Iżda quddiem dawn il-fatti kollha, Grech u Delia fetħu rikors kontra l-Avukat tal-Istat, li għandu l-effett prattiku li jġiegħluh jiftaħ kawża għad-danni billi jfittex personalment lill-Prim Ministru u lil Fearne, fost l-oħrajn.
Dan l-aġir mill-Oppożizzjoni sar anke jekk il-liġi titkellem b’mod ċar fejn l-Avukat tal-Istat għandu jew m’għandux is-setgħa li jista’ jagħmel dak li jridu jġiegħluh jagħmel tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista issa qed juri l-ipokresija tiegħu dwar Fearne.
Innota dan il-Prim Ministru f’kummenti mal-ġurnalisti fejn saħaq li, fl-istess waqt li issa l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija jgħid li Fearne għandu mis-sewwa, naqas milli jgħid li għad għandu kawża fil-Qorti kontrih.
Deċiżjoni f’din il-kawża, li fetħu Grech u Delia, mistennija tingħata nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju.
Quddiem aġir imsejjaħ ipokrita tal-Oppożizzjoni, bil-maqlub, il-Prim Ministru tenna li hu b’mod konsistenti dejjem tkellem dwar l-integrità u s-sewwa li jħaddan Chris Fearne.
Qal ukoll li fl-Arbitraġġ Internazzjonali, il-Gvern qed jara li, għal kull ċenteżmu li Steward tħallset biex tagħti servizz, iżda m’onoratux fil-ftehim, trid tirrifondih lura, inkluż jekk dak allegat hu minnu, li ntużaw flus mogħtija lil Steward biex issir ħsara lil Chris Fearne.