Skont l-aħħar stqarrija għall-istampa tal-Partit Laburista, mhux biżżejjed li tal-Partit Nazzjonalista riedu jibagħtu lis-suldati Maltin il-ħabs. Issa bdew kampanja organizzata biex jixħtu dell ikrah fuq il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) billi jigdbu dwarhom.
Ilbieraħ fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott allega li l-FAM qed tibgħat suldati Maltin biex iħarrġu truppi Ukreni.
Ftit tal-ħin wara, l-FAM ħarġu stqarrija fejn iċċaraw li m’hemmx suldati Maltin li qed iħarrġu truppi Ukreni.
Hemm suldat wieħed Malti, stazzjonat fir-Renju Unit u li huwa nkarigat biss li jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
F’kelma waħda, Carabott gideb. Prova jixħet dell fuq il-FAM u prova jagħti l-impressjoni qarrieqa, li l-Gvern Malti qed jikser il-prinċipju tan-newtralità billi jibgħat suldati Maltin jiġġieldu l-gwerer ta’ ħaddieħor.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar ilbieraħ fil-Parlament, iżda wkoll f’għadd ta’ okkażjonijiet oħrajn: is-suldati Maltin mhux se jiġġiedlu gwerer ta’ ħaddiehor u l-Maltin mhux se jħallsu ċenteżmu wieħed li hu wieħed biex pajjiżna jixtri l-armi u wisq anqas biex ħaddiehor jixtri l-armi.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru maħruġ illum juri kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin jaqblu mal-Prim Ministru fuq din il-kwistjoni u mhux mal-PN ta’ Karol Aquilina u wisq anqas ma’ Roberta Metsola li skontha, ‘it’s about damn time’ li l-Ewropa tinvesti fl-armamenti tal-gwerra.
Tal-PN jippruvaw jagħtu lil ħaddiehor dak li hu tagħhom. U Darren Carabott ittieħed minn Jason Azzopardi fuq l-attakk tiegħu fil-konfront tas-suldati Maltin.