Ikompli l-bejgħ tal-każini tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif mistenni li jekk dan ma jsirx, il-finanzi tal-Partit ma jwasslux sa iktar minn tmiem Jannar.
Żvelat dan il-gazzetta Maltatoday, li filwaqt li tikkonferma dak żvelat mill-gazzetta KullĦadd nhar il-Ħadd li għadda – iġifieri li se jinbiegħu l-Każini ta’ Fleur-De-Lys u Ħal Għaxaq – żiedet magħhom dawk tan-Naxxar u ż-Żejtun.
Minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-eks kap Simon Busuttil, il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista mhuma xejn fis-sod. Dan, għax skont is-sorsi tal-Maltatoday, is-sitwazzjoni hi prekarja saħansitra qabel wieħed jinkludi l-ħatriet ta’ Adrian Delia, bħall-ħatra ta’ Pierre Portelli bħala ċermen eżekuttiv tal-midja tal-partit.
Il-gazzetta tispjega li bosta ftehimiet ta’ bejgħ ta’ każini kienu ffinalizzati minn Ann Fenech meta kienet President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, biex b’hekk l-amministrazzjoni preżenti baqgħet mingħajr wisq għażla. Però jidher li Delia u t-tim tiegħu qed jikkunsidraw il-bejgħ ta’ iżjed każini, bit-tama li jsaħħaħ il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista, li jinsabu fi stat ħażin ħafna.
Dan juri wkoll u-turn oħra mill-Kap Adrian Delia, li filwaqt li fil-kampanja għat-tmexxija saħaq li l-każini jrid isaħħaħhom, issa ċaħad kliemu stess.
Dikjarazzjoni li taret mar-riħ f’anqas minn xahrejn mindu Adrian Delia ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista.