Il-Partit Nazzjonalista reġa’ qal mod u għamel ieħor. Fl-aħħar sigħat ħareġ stqarrija jitkellem kontra proġett infrastrutturali f’Għawdex li għandu jnaqqas it-traffiku mill-qalba tal-lokalità tar-Rabat. Dan b’referenza għat-triq ta’ Marsalforn, li mhux biss għandha bżonn xogħol infrastrutturali fuqha, iżda wkoll bidliet li jtejbu s-sigurtà tas-sewwieqa.
Iżda li ma qalx hu, li s-Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, ivvota favurih fl-istadju tal-ippjanar u tkellem kif il-Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista fir-Rabat jifhem il-kontribut li se jagħti dan il-proġett.
Josef Schembri, is-Sindku, qal fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li t-triq li ilha skedata li ssir, se jkollha impatt sostanzjali fuq il-lokalità li jmexxi għax se tnaqqas it-traffiku miċ-ċentru tal-lokalità, tnaqqas it-tniġġis kif ukoll il-konġestjoni tat-traffiku. “Għalhekk il-Kunsill Lokali jaqbel ma’ din il-proposta,” iddikjara s-Sindku, fil-minuti li ONE News qed jippubblika kopja tagħhom.
Biex jattakkaw dan il-proġett il-Partit Nazzjonalista uża tliet kelliema – Rebekah Borg, Joe Giglio u Alex Borg – u qalu li l-Gvern qed jikkawża sfreġju ambjentali.
Li ma qalux fl-istqarrija li fejn kien jgħodd, allura fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Partit Nazzjonalista appoġġja l-proġett u rrikonoxxa kemm hu ta’ fejda għar-residenti.
Ix-xogħol se jibda minn Triq Ġorġ Pisani u, għal darb’oħra, Alex Borg, fuq Facebook irrikorra għall-gideb u qal li se jkun hemm erba’ karreġġjati. Dan meta kemm Triq Ġorg Pisani kif ukoll it-Triq ta’ Marsalforn se jkollhom żewġ karreġġjati.
Filwaqt li parti mill-proġett se jkollhom jiċċaqilqu xi siġar, hemm pjan li dawn jitħawlu fi bnadi oħrajn, filwaqt li jitħawlu wkoll siġar ġodda.