Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech irid iwaqqaf u jillimita lil persuni li qegħdin jikru l-proprjetà tagħhom. Dan joħroġ proprju mill-Pre-Budget Document, li l-Partit Nazzjonalista żamm mistur, iżda spiċċa llikjat.
Fih jingħad li għandu jkun hemm limitu fuq kemm ġranet għandhom isiru kirjiet fis-sena.
Fi kliem ieħor, kull min għamel investiment f’dan ir-rigward, il-Partit Nazzjonalista jrid itellifulu.
Proprju dwar dan, ONE News mar quddiem il-Parlament, bil-Pre-Budget Document f’idejh, biex jistaqsi u jikseb aktar għarfien dwar dan.
Hemmhekk sibna lid-Deputat Ivan Bartolo, wieħed mis-seba’ awturi tal-istess dokument, imlaqqam “bla beef”. Viżibilment skomdu, Bartolo ħa d-dokument minn idejn il-ġurnalist tagħna u beda jdawwar u jqalleb fih.
“Very simple, din fiha tlieta u għoxrin paġna, aħna għamilna 35 pages, qed isaqsi bniedem li jaf ħafna fuq dan id-dokument.”
Ivan Bartolo – Deputat Nazzjonalista
Mistoqsi biex iwieġeb proprju dwar il-proposta li kiteb hu stess, Ivan Bartolo rrikorra għal tattiċi evażivi, tant li qalilna li l-baġit issa għaddha.
“Issa aħna nħarsu ‘il quddiem għax il-baġit għadha”
Ivan Bartolo – Deputat Nazzjonalista
Iżda qabel ħarab, reġa’ beda ixejjer l-istess dokument u qalilna li m’għandux għalfejn jagħtina risposta x’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Bartolo: “Għandkom verżjoni mhux ħażina ta… Nirringrazzjak.”
Ġurnalist: “Neħħejtu din il-miżura?”
Bartolo: “M’għandix għalfejn nagħtik risposta, m’għandix għalfejn”.