Il-Partit Laburista jiddeplora bl-aktar mod assolut il-fake news li qed ixerred il-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma li qed titressaq fil-Parlament intiża li tagħti aktar opportunitajiet rijabilittativi lill-vittmi tad-droga, filwaqt li tkompli tirriforma l-liġijiet biex ikollna ġustizzja effettiva bi proċeduri effiċjenti.
Bl-aktar mod irresponsabbli l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li min jinqabad b’arma tan-nar, nar jew splussiv fit-twettiq tar-reat jista’ jitqies bħala vittma u jkun jista’ jibbenefika mill-proċedura speċjali quddiem il-Qorti tad-Droga. Din hija gidba tal-Partit Nazzjonalista għax il-liġi proposta tgħid il-kuntrarju.
Il-Partit Laburista jinnota li l-Gvern b’konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin, ma biddilx l-ammonti marbuta ma’ min jista’ fid-diskrezzjoni tal-Qorti jikkwalifika għall-Qorti tad-Droga. Inħolqot skeda separata bl-istess ammonti li hemm diġà fis-seħħ illum, bl-iskop li tintuża għal dawn il-każi.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti impressjoni qarrieqa li l-Ministru għall-Ġustizzja issa jrid li dawn l-ammonti jistgħu jinbidlu minnu stess b’sempliċi avviż legali minflok b’liġi. Dan għaliex l-iskedi fil-liġi attwali diġà jipprovdu din is-setgħa, iżda l-Gvern b’responsabilità flok qabad u biddel il-liġi b’avviż legali, għamel konsultazzjoni pubblika u ressaq abbozz ta’ liġi.
Huwa kkundanabbli li tgħid li l-Gvern irid akkost ta’ kollox jgħin lit-traffikanti tad-droga, għaliex emenda linji gwida li jintużaw biss għal skop ta’ proċedura, biex minflok persuna akkużata u misjuba ħatja tingħata sentenza quddiem ġuri, l-istess sentenza tingħata mill-Qorti tal-Maġistrati. L-iskop huwa li ċ-ċittadini jaraw ġustizzja effettiva fi żmien raġjonevoli.
Huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni, li matul il-konsultazzjoni pubblika ħareġ jgħid li r-riforma għandha tkun irtirata, qiegħed jara ma’ xiex se jaqbad biex jiġġustifika l-pożizzjoni li ħa hu stess, billi jkompli jxerred il-fake news.
Din l-istqarrija tikkonferma l-konfużjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista, hekk kif għal kontra ta’ dak li qed jgħid il-kelliemi tal-Oppożizzjoni, l-aġenda tal-Parlament ilha miftehma, l-istess kif ilu ppubblikat l-abbozz ta’ liġi in kwistjoni u allura mhux minnu li l-Gvern irid jiddiskuti din il-liġi b’għaġġla kbira.