Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli meta jitkellem dwar l-enerġija.
Il-Partit Laburista nnota li Gvern Nazzjonalista ħalla ċentri ta’ distribuzzjoni ġebel u saqaf mingħajr ebda tagħmir.
Fakkar li kien Gvern Laburista li beda jindirizza għexieren ta’ snin mingħajr investiment serju fil-qasam tal-enerġija u għal li ġej irid ikun Gvern Laburista li jibda fuq dak li beda jsir u jtejjeb fejn meħtieġ.
Il-Partit Laburista rrefera għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fejn il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-enerġija Ryan Callus ma kienx kapaċi jgħid kemm jinvesti Gvern Nazzjonalista fis-sistema ta’ distribuzzjoni.
Il-Partit Laburista qal li għalhekk ħareġ ċar li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq pjan li mhu pjan xejn.
“Li kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna llum mhux qed ilaħħaq mad-domanda tal-elettriku għax il-Partit Nazzjonalista kien kontra l-bini ta’ power station ġdida. Minflok ried jibqa’ juża’ l-heavy fuel oil”, fakkar il-Partit Laburista li spjega li d-domanda għall-enerġija telgħet għal rekord ta’ 561MW u li kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna għadu bi provvista ta’ 350MW.
Dan kien ifisser li kieku għaddiet tal-Partit ta’ Bernard Grech, aktar minn terz ta’ Malta u Għawdex kienu jibqgħu bla dawl.
Il-Partit Laburista żied jgħid li l-kredibilità tinsab f’min kapaċi jwettaq hekk kif f’seba’ snin, Gvern Laburista investa €130 miljun fis-sistema ta’ distribuzzjoni u l-investimenti se jkomplu fi żmien li ġej.
Il-Partit Laburista qal li l-esperti tal-blackouts u l-qtugħ fil-provvista tad-dawl sajf u xitwa mhumiex kredibbli jitkellmu dwar l-enerġija.
Dan speċjalment meta, fl-istess ħin meta kienu fil-Gvern, tal-Partit Nazzjonalista taw lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin l-ogħla kontijiet.