ll-Partit Nazzjonalista akkumula dejn ta’ madwar €34 miljun mindu t-tmexxija tal-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi ħalliet il-Partit Nazzjonalista midjun ma’ bosta negozjanti kbar u ma’ diversi banek.
L-ammont ġie żvelat minn eks uffiċjali tal-Partit Nazzonalista mal-gazzetta MaltaToday.
Bil-kundizzjoni tal-anonimità, wieħed mis-sorsi ġie kwotat jgħid li d-dejn qiegħed jagħmilha diffiċli ħafna biex il-Partit Nazzjonalista jsib nies lesti li jidħlu f’karigi ewlenin fl-amministrazzjoni.
Qal li kull persuna li tidħol għal kariga uffiċjali qed tirriskja li tispiċċa bejn il-basla u qoxritha. Dan f’każ li l-kredituri jiddeċiedu li jagħfsu kontra l-Partit Nazzjonalista. B’mod partikolari spjega li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti titfa’ piż kbir fuq it-teżorier tal-partit. Dan għax f’każ ta’ ksur hemm sanzjonijet fuq it-teżorier.
Tliet snin ilu, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ċaħadx li kellu dejn ta’ €25 miljun. Fil-programm Insights, il-Ħadd li għadda, l-eks Segretajru Ġenerali Clyde Puli kkonferma li l-Partit Nazzjonalista għandu miljuni kbar ta’ ewro f’dejn.
L-eks uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista żvela li l-kontijiet ta’ kull xahar li ġew ippreżentati lill-uffiċjali tal-partit juru li matul l-aħħar snin, id-dejn tela’ għal madwar €34 miljun.
Il-gazzetta żiedet tgħid li dan l-ammont ġie kkonfermat minn sors ieħor li m’għadux jimmilita fil-partit iżda huwa informat bis-sitwazzjoni finanzjarja.
Dan l-istess sors żied jiżvela li matul is-sena li għaddiet biss, il-midja nazzjonalista tilfet żewġ miljun ewro u l-paritt ma kienx f’qagħda jwarrab flus biżżejjed biex iħallas iċ-ċedoli.
Iż-żewġ sorsi tefgħu l-ħtija ta’ dan id-dejn fuq l-amministrazzjoni ta’ Gonzi ta’ bejn l-2004 u l-2012 u ż-żewġ segretarji ġenerali li kellu Joe Saliba u Pawlu Borg Olivier.
Huma żied jgħidu l-problema mhix biss id-dejn, iżda wkoll il-programmi ta’ finanzjament li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Ingħad li fl-aħħar ftit snin dawn tħallsu iżda d-dejn baqa’ għoli u l-isfida l-kbira hi kif se jsibu l-flus biex il-partit jibqa’ għaddej.
L-ex uffiċjali tal-partit żiedu jgħidu li d-dejn li l-Partit Nazzjonalista għandu man-negozjanti l-kbar qiegħed iżommu ostaġġ u din is-sitwazzjoni se tibqa’ tiġri warajh anke jekk ikollu kap ġdid.
Huma kellhom ukoll kliem iebes fil-konfront ta’ għadd ta’ deputati Nazzjonalisti li huma mkabbrin bihom infushom. Nies li fi kliemhom se jibqgħu biċċa wġigħ ta’ ras kbira għal kull Kap li jista’ jiġi wara Delia.