L-estremisti fil-Partit Nazzjonalista qed jibqgħu jattakkaw l-istituzzjonijiet meta ma jiddeċiedux kif iridu huma. Fl-istess ħin qed jinżlu fl-iktar livell baxx u jattakkaw nisa professjonisti li l-estremisti fil-Partit Nazzjonalista qed jippretendu li ma jaħdmux u ma jkollhomx il-karriera li studjaw u ħadmu għaliha, għax inzertaw iżżewġu jew huma partners ta’ politiċi fuq in-naħa tal-Gvern.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista b’reazzjoni għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata mid-Deputat Karol Aquilina.
Intqal li għalhelkk l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tattakka lill-Kummissarju għall-Istandards b’irresponsabbiltà, mhija xejn ħlief att ta’ intimidazzjoni. Dan bil-għan li tipprova tinfluwenzah kif jiddeċiedi f’każi oħra. B’dan hu attakk sistematiku li diġà rajna fil-konfront ta’ istituzzjonijiet oħra.
Ġie nnotat li l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista hi agħar minn hekk.
Il-Partit Laburista sostna li l-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards kixfet ukoll kif l-Oppożizzjoni u l-alleati tagħha attakkaw professjonisti nisa li ħadmu jew jaħdmu f’karigi li huma kwalifiki għalihom. Karigi jew irwoli li saħansitra fihom hemm għexieren ta’ persuni oħra.
“Dan hu r-rispett li għandu lejn in-nisa, il-Partit Nazzjonalista”, tenna l-Partit Laburista.
“Fuq kollox hija wkoll ironika li din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hi ffirmata minn min meta kien fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, ingħata l-konsulenzi tal-fiduċja f’Kastilja, u kulħadd jaf x’ta lura jew ma tax u fil-verità għaliex ħadhom”, temm jgħid il-Partit Laburista f’din l-istqarrija.