Waqt li l-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tal-establishment qed jgħidu li m’għandux jiġu ppubblikati ritratti tal-Maġistrati, il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, Il-Mument, ippubblikat ir-ritratti tas-Segretarji Permanenti kollha attwali b’rabta mal-istess konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
L-inkjesta, li l-pubblikazzjoni tagħha qajmet dubju minnufih, minħabba li wara dewmien ta’ kważi ħames snin, ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali proprju fil-jum li l-Kummissjoni Elettorali bdiet tilqa’ n-nominazzjonijiet tal-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dan meta, tul il-proċess suppost sigriet, diġà kien hemm leaks minn Jason Azzopardi u l-għaqda Repubblika, li kienu jafu l-passi li kienu se jittieħdu minn qabel.
Minbarra hekk, skont rapport fit-Times, fil-konklużjonijiet tal-inkjesta wkoll inħarġu akkużi kontra kumpanija għal snin li fihom lanqas kienet għadha biss teżisti.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li kontrih hemm akkużi fir-rapport tal-inkjesta, iddeskriva l-proċess tal-Maġistrat Vella bħala ħadma bl-intenzjoni li jiġi pparalizzat il-pajjiż.
Issa l-gazzetta Nazzjonalista ppubblikat ir-ritratti tal-ogħla uffiċjali taċ-Ċivil fil-Ministeri kollha, li jagħmlu xogħol siewi b’riżq pajjiżna, bil-għan li jintimidawhom waqt li ġie indikat lilhom li faċilment jistgħu jittieħdu proċeduri kontrihom ukoll.
Dwar dan ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu waqt l-attività politika l-Ħadd filgħodu fil-Mosta.
Qal, “Dalgħodu, fil-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista, dawk li qalu li mhux sew li jiġu ppubblikati ritratti fil-gazzetti tal-maġistrati, ħassew huma li kellhom huma u setgħu jippubblikaw ritratt ta’ kull Segretarju Permanenti li hemm iservi llum. Qalu, taf x’kitbu fil-gazzetta tagħhom illum, qalu li uffiċjali fiċ-Ċivil, faċilment se jsibu lill-Pulizija wara darhom. Jien lil dawk kollha li jaqdu lil pajjiżna se niddedika ħajti niġġieled għalihom, saħħti kollha għalihom. Saħħti kollha biex inkun tarka tagħhom.”