L-Opppożizzjoni Nazzjonalista qed tippersisti bl-attakk tagħha fuq il-ħaddiema tal-Wasteserv fejn minkejja ż-żieda fl-operat tal-istess Wasteserv, kelliema tal-Partit Nazzjonalista qed jibqgħu jgħidu li mal-kumpanija hemm ħaddiema żejda u li l-impjieg tagħhom huwa kapriċċ.
Dan il-messaġġ ħareġ l-iktar meta nhar it-Tlieta ltaqa’ l-kumitat dwar il-kontijiet pubbliċi fejn ġiet diskussa l-ittra ppreżentata mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista sabiex “jifli” is-sitwazzjoni ta’ ingaġġ ta’ ħadiema ġewwa l-kumpanija Wasteserv. Liema ittra kienet ġiet ippreżentata bl-għaġla, ġurnata biss wara li l-Gvern talab lil dan l-istess kumitat biex jinvestiga l-iskandlu ta’ Jason Azzopardi, dak tal-Fekruna u l-art ta’ Spinola.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv spjega is-sitwazzjoni ġenerali u kif il-kumpanija, minħabba n-natura tax-xogħol tagħha fl-immaniġġjar taliskart, ikollha ta’ sikwit tibdil fil-ħaddiema, fejn anke ġie kkjarifikat illi mill-2010 sa l-2017 telqu minn ma’ din il-kumpanija bin-nofs ta’ dawk li ġew ingaġġati. Kien proprju tul id-diskussjoni li l-Oppożizzjoni tat x’tifhem u implikat diversi drabi li dawn il-ħaddiema daħlu b’kapriċċ u kienu żejda.
Dan għalkemm il-Kap Eżekuttiv spejga li minħabba r-rata li biha qiegħda tikber il-kumpanija, jimmerita l-bżonn ta’ diversi ħaddiema ġodda. Ġie spejgat illi mill-2016 lil hawn infetaħ sit ġdid ieħor li jilqa’ l-iskart goff, impjant ġdid ġewwa l-Marsa, kif ukoll impjant ġdid imsejjaħ bħala l-Malta North ġewwa ż-żona tal-Magħtab, dan b’investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro.
Dan apparti li ġew miżjuda shifts sabiex tiżdied l-effiċjenza. Apparti dan, il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello tkellem ukoll fuq il-proġetti illi l-Wasteserv ser tkun qiegħda tidħol għalihom inkluż dak tal-Waste to Energy, faċilità b’investiment ta’ madwar €150 miljun illi diġà beda x-xogħol preliminari, kif ukoll il-bżonn illi din il-kumpanija tadatta l-operat tagħha sabiex tkun tista’ taħdem aktar skart riċiklat.
Dan hekk kif aktar nies qegħdin jifhmu dwar l-importanza li jsir dan. Id-deputat Kristy Debono saqsiet dwar il-proċess tal-ingaġġ tal-ħaddiema tal-Wasteserv. Is-Sur Montebello spjega li l-proċess baqa’ l-istess f ’dawn l-aħħar snin, fejn jintuża kuntrattur privat sabiex jipprovdi l-ħaddiema abbażi ta’ kuntratt.
Wara dan l-Avukat Karol Aquilina nfexx f ’attakk kontra l-għajxien ta’ 112-il ħaddiem fejn b’risposta għall-mistoqsijiet tal-Avukat Robert Abela u l-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, il-Kap Eżekuttiv sostna li dawk il-ħaddiema jaqilgħu paga ta’ bejn 900 u elf ewro fix-xahar u kollha kemm huma jagħmlu x-xogħol imqabbad minnhom.
Kien proprju f ’dak il-ħin, li l-Onorevoli Beppe Fenech Adami staqsa b’mod ironiku: “Hekk jonqos ma jmorrux għax-xogħol,” fejn bi tweġiba l-Onorevoli Farrugia Portelli rrimarkat, kif smajna stejjer li kien hemm min għamel tliet snin ma jersaqx lejn il-post tax-xogħol. Għal dan l-Onorevoli Kristy Debono, li hi waħda minn dawk li kienet fil-mira tal-kritika għax ma tmurx għax-xogħol tul l-aħħar snin, stqarret illi “anka dawk għandhom familja”. Dan b’referenza għaliha nnifisha.
Il-kumitat issa jmiss li jitlaqqa’ nhar l-Erbgħa li ġej 7 ta’ Frar fejn ser jerġa’ jidher ilKap Eżekuttiv tal-Wasteserv.