L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha temmen li ż-żgħażagħ huma biss aċċessorju għal fuq il-palk jew fuq xi billboard. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista. Spjega kif b’kuntrast, fl-aħħar snin, il-Gvern wera fiduċja kbira fiż-żgħażagħ u kull darba li dawn ingħataw l-opportunità qamu għall-okkażjoni u wrew kemm jistgħu jikkontribwixxu għall-pajjiż.
Fl-istqarrija qal li l-attitudni tad-Deputat David Thake, li fuq il-midja soċjali attakka żagħżugħ għax skont hu ma jistax jikkontribwixxi għax għandu dsatax-il sena, tikxef tassew x’jemmen il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech. Għal Bernard Grech, David Thake u l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, persuna ma tistax isservi f’istituzzjoni pubblika għax għandha biss dsatax-il sena.
Il-Pl qal kif din mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista attakka liż-żgħażagħ jew inizjattivi li jgħinuhom fosthom il-garanzija għaż-żgħażagħ u l-istipendju għal min jirrepeti.
Temm billi qal li b’kuntrast Gvern Laburista daħħal il-Vot 16 u l-Prim Ministru Robert Abela ħatar l-iktar Kabinett żagħżugħ fl-istorja. Dan fi żmien li pajjiżna baqa’ jikseb suċċess wara ieħor.