Il-Partit Nazzjonalista appella mis-sentenza li tat il-Qorti ix-xahar li għadda b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-każ tal-invoices foloz.
Il-Qorti Kostituzzjonali tefgħet ‘il barra każ li l-Partit Nazzjonalista kien beda kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Ġenerali bil-għan li l-Kummissjoni Elettorali ma tinvestigahx dwar l-iskema tal-invoices foloz.
Skema mħaddma fi żmien Simon Busuttil fejn eluf kienu qed jidħlu għal pagi ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Fil-fatt kienu s-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Rosette Thake u l-President Ann Fenech li dak iż-żmien fetħu l-każ oriġinali u li ntilef bl-għeruq u xniexel.
Issa l-amministrazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista wkoll qed tipprova tevita l-investigazzjoni u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-President tal-Kumitat Amministrattiv Mark Anthony Sammut ressqu rikors biex jappellaw il-każ.
B’hekk it-tmexxija l-ġdida qed tkompli fejn ħalliet ta’ qabilha. Naturalment l-appell ifisser li l-investigazzjoni ma tkunx tista’ tibda u l-Partit Nazzjonalista jkun qed itawwal il-proċess tal-ġustizzja.