Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru mess ma’ diversi temi speċjalment ma’ dawk li jaffetwaw lill-gżejjer.
Din kienet l-opinjoni tar-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella b’rabta mad-diskors li Dr Abela għamel fil-COP 26 fil-jum tat-Tlieta.
Huwa stqarr: “Il-Prim Ministru mess ma’ diversi temi u ffoka ħafna wkoll fuq il-gżejjer, speċjalment il-gżejjer iż-żgħar ikollhom vuċi aktar li tinstema’.”
Il-Professur Vella spjega wkoll li l-Prim Ministru wera sens ta’ tmexxija tajba u b’viżjoni: “Wera leadership importanti għax fakkar li l-ewwel pajjiż li beda jsemmi l-klima fuq mod globali kienet Malta, biċ-ċokon tagħha.”
L-Ekonomista Stephnie Fabri laqgħet ukoll il-fatt li l-Prim Ministru Malti kkometta ruħu li pajjiżna se jirdoppja l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ Malta fil-fond ambjentali tal-Ġnus Magħquda.
Fabri kompliet tispjega li l-ekonomija Ambjentali, Soċjali u l-iżvilupp ekonomiku imorru id f’id ma’ xulxin: “Mela inti fejn jidħol żvilupp ekonomiku importanti li kemm jista’ jkun tkun attraenti għall-investiment. Illum ninsabu f’sitwazzjoni li biex inżidu l-kompettitività bilfors irridu ninvestu fi proċessi u operat li jibżgħu għall-ambjent. Dan bil-fors inkella investiment internazzjonali mhux se jiġi barra minn Malta.”
Il-Perit David Xuereb spjega li l-Prim Minsitru tefa’ wkoll dawl fuq is-sitwazzjoni attwali li tinsab fiha d-dinja: “Li naraw lill-Prim Ministru jagħmel diskors matul il-laqgħa kienet importanti ħafna. L-aktar sentenza li laqtitni kienet l-iqsar waħda, This is It. Qed iġiegħel lil kulħadd li jekk ma nieħdux l-azzjonijiet issa nibdew naraw futur għall-pjaneta aħrax u li ma nixtiqux.”
L-Ambjentalista Ingram Bondin kompla fuq dan u qal li l-intervent ta’ Dr Abela kien veritier li wera l-urġenza tas-sitwazzjoni: “Id-diskors kien wieħed f’postu għax qal il-verità, it-tibdil fil-klima huwa vera u kif qal il-Prim Ministru Ingliż ftit minuti qabel id-diżastru u kien diskors veritier, ta’ urġenza u diskors li għandu aspett ta’ solidarjetà internazzjonali.”
Il-Professur Vella faħħar ukoll il-fatt li l-mexxejja internazzjonali qablu fi pjan kontra l-afforestazzjoni u dwar il-kontrolli tal-ħruġ ta’ gass Methane.
Madankollu esprima dan is-sodisfazzjon b’mod kawt: “Affarijiet li jispirawna għall-futur imma minn dak li qed jgħamlu l-pajjiżi s’issa, dak li qalu ħames snin ilu f’Pariġi ma tantx jispirawk. Sar ħafna kliem però azzjoni on the ground anqas. Però ma nistgħux naqtgħu qalbna għax nemmen li dan veru l-aħħar ċans.”