Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela inawgura main control room ġdida tal-istazzjon ONE. Dan l-investiment mill-istazzjon tal-Partit Laburista hu tal-ogħla kwalità u mill-istess control room jista’ jmexxi tliet studios, fosthom l-akbar studio li jeżisti f’pajjiżna bi prodott teknoloġiku aħjar u aktar kumdità għall-ħaddiema.
Iċ-Chairperson ta’ ONE, Ruth Micallef, qalet kif dan l-investiment hu xhieda tad-dedikazzjoni tal-ħaddiema u biex ikompli jagħti l-aqwa kwalità lit-telespettaturi.
Qalet, “Il-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu aktar aħjar minn hawnhekk u nistgħu naħdmu fuq kull ġeneru ta’ produzzjoni differenti. Dan kien inizjattiva u xogħol kollu, bl-eżekuzzjoni kollu tiegħu, tal-ħaddiema tagħna u ta’ dan nirringrazzjawhom.”
It-tekniku tal-istazzjon ONE, Joe Abela, spjega magħna kif taħdem din il-control room il-ġdida.
Qal, “Il-main control room saret, l-ewwel, biex tiffaċilita x-xogħol lill-ħaddiema ta’ ONE, li saret aktar aċċessibbli, saru aktar investimenti fejn programm ikun qed jibda minn hawnhekk u jispiċċa u joħroġ on-air mill-ewwel, jiġifieri jkun pakkett sħiħ ta’ produzzjoni.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm it-tmexxija tal-istazzjon, flimkien mal-ħaddiema ta’ ONE u anke t-tmexxija tal-Partit Laburista.