Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Karin Grech, li nqatlet sitta u erbgħin sena ilu meta pakkett b’ittra bomba ħasad il-ħajja ta’ din it-tfajla, li kellha biss ħmistax-il sena.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, u Deputati Laburisti poġġew fjuri quddiem il-monument ta’ Karin Grech f’San Ġwann.
Ħdejn il-mafkar ta’ Karin Grech il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-qtil ta’ tfajla bħala att ta’ terroriżmu politiku fi żmien meta missierha – il-Professur Edwin Grech – kien qed jagħti s-servizzi tiegħu fl-isptarijiet Maltin.
Hawn Dr Abela sellem il-memorja ta’ Edwin Grech, li ħalla din id-dinja iktar kmieni din is-sena, u li fi kliem il-Prim Ministru miet mingħajr ma saret l-ebda ġustizzja miegħu, minkejja li saru diversi wegħdiet miegħu.
Dr Abela qal li għalkemm għadda ħafna żmien, il-ferita għadha kbira sal-lum.
Huwa temm jgħid li minn dan l-episodju ikrah għal pajjiżna, kuljum irridu naħdmu biex negħlbu l-firda permezz tal-paċi u r-rispett.
ARA IKTAR: