Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, rebaħ vot kruċjali biex jibqa’ fil-poter, jiem wara li l-eks Prim Ministru Matteo Renzi ħareġ lill-partit tiegħu ’l barra mill-koalizzjoni.
Il-vot fis-Senat, li ntrebaħ b’mija u sitta u ħamsin vot favur u mija u erbgħin kontra, b’sittax-il astensjoni, ifisser li Conte m’għandux il-maġġoranza assoluta.
Jidher ukoll li l-partiti fl-Oppożizzjoni qed jippjanaw li jistaqsu lill-President Sergio Mattarella biex jintervjeni u jġiegħel lil Conte jirriżenja.
Il-Prim Ministru, li ilu jmexxi l-koalizzjoni sa mill-2018, qal lis-Senat li huwa kruċjali li tinżamm stabilità politika fi żmien meta l-pajjiż qed jaffaċċja sfidi storiċi minħabba l-pandemija.
Meta kien qed jindirizza d-dibattitu fis-Senat, Matteo Renzi appella lil Conte biex jagħmel riformi aktar b’saħħithom.