Il-prosekuturi f’Ruma fetħu investigazzjoni kontra l-Prim Ministru Giorgia Meloni u żewġ ministri tal-gvern Taljan dwar ripatrijazzjoni ta’ Kmandant tal-Gwerra Libjan mfittex mill-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague.
Meloni żvelat din l-investigazzjoni lbieraħ b’filmat fuq il-mezzi soċjali, fejn allegatament qed tiġi akkużata li għenet u ffaċilitat l-evażjoni ta’ Ossama Anjiem magħruf bħala Ossama al-Masri. Hija qalet li magħha qed jiġu investigati wkoll il-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern, Carlo Nordio u Matteo Piantedosi, kif ukoll is-sotto-segretarju Alfredo Mantovani.
Il-gvern ta’ Meloni kien fil-mira ta’ attakki mill-oppożizzjoni, gruppi tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ICC talli kien irilaxxa lil al-Masri fuq teknikalità wara li kien safa’ arrestat f’Turin b’mandat maħruġ mill-Qorti Internazzjonali.
Meloni qed tassumi li din l-investigazzjoni kienet instigata minn ilment tal-Oppożizzjoni. Fl-Italja, il-Prosekuzzjoni għandha l-obbligu li tinvestiga meta jidħlu ilmenti u hija prerogattiva ta’ l-Imħallef fuq il-każ li jiddeċiedi jekk jiġux maħruġa l-akkużi jew le. Dan il-proċess jaf itawwal ix-xhur.
Al-Masri kien ġie arrestat f’Turin fejn kien qed jattendi logħba futbol nhar id-19 ta’ Jannar, jum biss wara li kien ħareġ il-mandat għall-arrest tiegħu mill-Qorti Internazzjonali Kriminali (ICC). Huwa kien ġie mibgħut lura pajjiżu b’ajruplan tal-gvern Taljan fil-21 ta’ Jannar, wara li l-Qorti falliet milli tikkonferma dan l-arrest.
Fuq il-mezzi soċjali, Meloni kitbet li l-mandat kien maħruġ mal-wasla tiegħu fl-Italja wara li kien ilu madwar tnax-il ġurnata jdur fi tliet pajjiżi Ewropej. Hija qalet li l-mandat għall-arrest internazzjonali ma kienx ġie mgħoddi lill-Ministeru tal-Ġustizzja skont kif mitlub bil-liġi u din kienet ir-raġuni għaliex il-Qorti tal-Appell f’Ruma ddeċidiet li ma tikkonfermax l-arrest.
Żiedet tgħid li “f’dak l-istadju huwa kien liberu f’territorju Taljan, u minflok ma ħallejnieh jitlaq għal riħu iddeċidejna li nkeċċuh u jiġi ripatrijat immedjatament b’titjira minħabba miżuri ta’ sikurezza bħal ma diġà sar fil-passat f’każijiet simili”.
Hija esprimiet l-indigazzjoni tagħha għal din l-investigazzjoni fejn qalet li ma kinitx se tiġi rrikattata jew intimidata.
Il-Qorti Internazzjonali Kriminali qed takkuża lil al-Masri bi kriminalità tal-gwerra u krimini kontra l-umanità li twettqu fil-ħabs ta’ Mitiga fil-Libja mill-2015, liema akkużi jġorru sentenza ta’ għomor il-ħabs. L-akkużi jinkludu qtil, torturi, stupru u vjolenza sesswali.