Ftehim ekonomiku ta’ madwar €140 miljun ġie ssiġillat wara laqgħa bejn il-Prim Ministru tal-Etjopja, Abiy Ahmed Ali, u l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni.
F’Palazzo Chigi, f’Ruma, Meloni laqgħet lill-Prim Ministru Etjopjan u fissret is-sħubija strateġika ma’ dan il-pajjiż Afrikan bħala waħda importanti.
Meloni qalet li, fiż-żmien li ġej, delegazzjoni kummerċjali Taljana se żżur l-Etjopja biex tistħarreġ il-possibbiltà ta’ iżjed koperazzjoni ekonomika ma’ dan il-pajjiż Afrikan, li qed jikber.
Meloni qalet li ħafna mill-finanzjament tal-ftehim se jmur biex l-Etjopja tkompli ssaħħaħ is-settur tax-xogħol u toħloq xogħol għaċ-ċittadini tagħha fit-territorju tagħha stess. Hija rrimarkat li l-istabbiltà fl-Etjopja hija importanti biex dan il-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem.
F’Ruma, il-Prim Ministru tal-Etjopja fisser il-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi bħala wieħed tajjeb ħafna biex isaħħaħ bosta setturi ekonomiċi differenti.
Wara l-laqgħat bilaterali f’Ruma, il-Prim Ministru tal-Etjopja mistenni jżur Malta għada, it-Tlieta. Huwa se jkollu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela. Aktar tard se jkun Pariġi biex jiltaqa’ mal-President Franċiż Emmanuel Macron.