Il-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas ħarġet tiddefendi lil żewġha li għandu sehem f’kumpanija li baqgħet tesporta lejn ir-Russja u tagħmel negozju mal-pajjiż waqt il-gwerra fl-Ukrajna.
Kallas, li kienet titkellem ħafna kontra r-Russja issa qalet li żewġha qed jgħin biex il-kumpanija toħroġ gradwalment min-negozju mar-Russja skont sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja.
Fl-Estonja politiċi differenti ħarġu jitolbu għar-riżenja ta’ Kallas għaliex fi kliemhom din qed turu żewġt uċuħ.
“Filwaqt li qed targumenta kontra l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, żewġha Arvo Hallik qiegħed f’negozju mar-Russi”, ġew kwotati jgħidu membri tal-Oppożizzjoni fl-Estonja.
F’April ta’ sena ilu l-Prim Ministru tal-Estonja kienet qalet li fi gwerra kollox huwa iswed jew abjad u trid tagħżel fuq liema naħa tkun.
Hija kienet saħansitra mponiet sanzjonijiet fuq artisti Russi milli jieħdu sehem f’rappreżentanzi f’pajjiżha.
Sa sena qabel bdiet il-gwerra l-kumpanija ta’ żewġha għamlet ‘il fuq minn nofs miljun ewro f’bejgħ lejn ir-Russja.