Il-Prim Ministru ta’ Greenland, Mute B. Egede, sostna li ż-żjara ppjanata minn uffiċċjali tal-Istati Uniti li tinkludi l-mara tal-Viċi President Usha Vance, hija waħda aggressiva li se tkompli tgħarraq ir-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi wara li l-President Amerikan Donald Trump ħalef li jrid jieħu f’idejh it-territorju awtonomu Daniż.
Skont stqarrija maħruġa mill-White House, Usha Vance se tmur Greenland din il-ġimgħa sabiex issegwi t-tiġrija nazzjonali tas-slitta tal-klieb u tiċċelebra l-kultura u l-unità tal-gżira. Hija mistennija li tkun akkumpanjata mill-konsulent tas-sigurtà nazzjonali Mike Waltz.
Waqt intervista mal-ġurnal ta’ Greenland Sermitsiaq ilbieraħ, Egede oġġezzjona partikolarment għaż-żjara ta’ Waltz fejn qal li l-unika raġuni li l-konsulent tas-sigurtà nazzjonali se jkun qed jagħmel din iż-żjara kien biex ikompli jsaħħaħ it-twemmin Amerikan fil-missjoni ta’ Trump u tiżdied il-pressjoni.
L-idea ta’ Trump li jieħu lil Greenland ġibdet attenzjoni internazzjonali fuq dan it-territorju li għandu riżorsi vasti ta’ minerali rari li huma kruċjali għall-industrija tat-teknoloġija avvanzata fejn tqajmu ħafna mistoqsijiet dwar is-sigurtà futura ta’ din il-gżira hekk kif l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina qed jiġġieldu għall-influwenza fuq l-Artiku.
Filfatt Trump ma qagħdx lura milli ripetutament esprima l-interess li jakkwistaha bil-forza jew b’infurzar ekonomiku għalkemm kemm id-Danimarka kif ukoll Greenland qed jirrifjutaw bis-sħiħ din l-idea.