Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern għaddej b’ħidma biex jikkalkula l-ispejjeż tal-ħsara li saret waqt il-maltemp biex jeżamina ċ-ċans li Malta tingħata fondi Ewropej b’rabta ma’ diżastri naturali. Dan b’tentattiv sabiex kulħadd jiġi lura fuq saqajh malajr kemm jista’ jkun, qal il-Prim Ministru.
Huwa qal dan fi stqarrija ministerjali iktar kmieni llum b’reazzjoni għall-maltempata li ħakkmet lill-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema u voluntiera kollha li għenu jipproteġu l-poplu b’tant qlubija. Huwa spjega kif f’48 siegħa, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bl-għajnuna tal-Pulizija u l-Armata intervjenew fuq madwar 486 sejħa għall-għajnuna.
Fost il-ħafna interventi ġew evakwati wkoll xi nies li nqabdu fi djarhom b’riżultat li ma setgħux joħorġu, qal il-Prim Ministru.
Kienu 14-il persuna evakwati mill-lokalità ta’ Tas-Sliema u 12-il-persuna evakwati mill-Birgu.Il-Prim Ministru spjega wkoll li wħud mill-interventi kienu jinvolvu azzjoni fuq siġar li tqaċċtu minn posthom, pannelli fotovoltajiċi u tankijiet tal-ilma li taru, soqfa mwaqqgħin, galleriji bi ħsarat, arbli tad-dawl u wires perikolużi u ħafna iktar affarijiet li b’riżultat tal-maltemp kienu ta’ periklu għan-nies.
Il-Prim Ministru faħħar l-entitajiet u ħaddiema kollha nvoluti fit-tindif tal-pajjiż. Filfatt innota kif fl-aħħar 48 siegħa nġabru iktar minn 155 tunnellata ta’ debris mit-toroq ta’ Malta u Għawdex.
Żied jgħid li t-tindif tat-toroq mistenni jibqa’ għaddej sa tmiem il-ġimgħa.Il-Prim Ministru nnota wkoll il-ħidma minn naħa tal-Enemalta li bejn is-Sibt filgħaxija u t-Tnejn waranofsinhar, wieġbet ‘il fuq minn 2000 talba għall-għajnuna. Minnhom irriżulta li kien hemm 978 każ ta’ ħsara li ħafna minnhom tranġaw u oħrajn għaddejja ħidma fuqhom.
Il-Prim Ministru assigura li minkejja l-maltemp u l-periklu madwar il-pajjiż, ma kienx hemm bżonn li t-tanker tal-gass jinħareġ minn postu ħdejn il-power station ta’ Delimara.