Ir-Renju Unit għandu ftit ċans li tgħaddi tiegħu fin-negozjati dwar Brexit. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien kwotat jgħid dan mill-ġurnal Politico.
Kliem Joseph Muscat jingħata ħafna importanza hekk kif pajjiżna se jkollu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tal-2017, meta l-Prim Ministru Theresa May bi ħsiebha tmexxi l-implimentazzjoni ta’ Artiklu 50, li jara s-separazzjoni tar-Renju Unit.
“L-Ingliżi għandhom jistennew il-format li jkunu simili dak li ġara fil-każ tal-Greċja” qal Muscat f’intervista ma’ Politico f’Kastilja, b’referenza għal dak li ġara fin-negozjati marbuta ma’ bailout Grieg fl-2015.
Muscat saħaq li anke l-aktar pajjiżi pro-Renju Unit; l-Olanda, l-Estonia u l-Irlanda, jemmnu li ma tistax toħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr riperkussjonijiet. Politico osserva li l-implikazzjoni li s-27 mexxej Ewropew mhux se jħalli Brexit jgħaddi bħal żiffa huwa inidikazzjoni ta’ dawk li jidhru li se jkunu negozjati twal ħafna.