Kull tifel u tifla ħaqqhom jirċievu l-aħjar u għalhekk l-investiment fis-sistema edukattiva hu mifrux biex jilħaq il-potenzjal ta’ kulħadd. Dan kien espress mill-Prim Ministru Robert Abela waqt li żar wieħed miċ-ċentri ta’ riżorsa f’Malta, is-San Miguel Primary Education Resource Centre f’Pembroke.
Dan iċ-ċentru hu wieħed minn ħamsa f’pajjiżna, li jħarreġ tfal ta’ bejn it-tlieta u l-ħdax-il sena b’diffikultajiet kumplessi ta’ tagħlim. Iċ-ċentru, li għandu riżorsi, bħal hydrotherapy pool u multisensory room, bħalissa joffri wkoll servizz ta’ SkolaSajf, fejn attwalment jattendu 24 student.
Dr Abela qal li l-edukazzjoni ta’ kwalità tiġi mill-investiment u l-ħidma b’dedikazzjoni tal-edukaturi u li, wara l-aqwa ftehim li ġie ffirmat għalihom, issa se jgawdu minn kundizzjonijiet u pagi ferm aħjar. Hu rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom, li jwettqu b’tant imħabba.
Il-Prim Ministru żar u ltaqa’ wkoll mal-istudenti, li jingħataw esperjenza edukattiva bbażata fuq kurrikulu sensorjali u pjan ta’ tagħlim imfassal skont il-ħtiġijiet personali.
Waqt iż-żjara ntqal ukoll li hekk kif daħal fis-sehem il-ftehim settorjali ġdid, dawn iċ-ċentri, bdew jissejħu bħala skejjel, f’pass ieħor favur aktar inklużjoni, hekk kif m’għandhiex teżisti distinzjoni bejn l-iskejjel.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.