Il-Prim Ministru Robert Abela żied il-fiduċja fost l-elettorat.
Fiduċja li diġà kienet b’saħħitha minn stħarriġ preċedenti.
Dan skont stħarriġ tat-Times of Malta li ppubblikat it-tieni stħarriġ f’xahrejn.
Fil-fatt id-distakk bejn dawk li jafdaw lill-Prim Ministru Robert Abela u dawk li jafdaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kompla jikber.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista hu fdat minn 48.5% tal-elettorat, żieda ta’ 4.1% fuq ix-xahar li għadda.
Dan ifisser li l-Prim Ministru hu fdat 33% iktar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Differenza li sa Lulju kienet ta’ 27%.
Il-Partit Laburista baqa’ wkoll l-għażla tal-Maltin u l-Għawdxin b’differenza ta’ madwar għaxra fil-mija bejn iż-żewġ partiti f’dan l-istħarriġ ta’ Awwissu.
Il-partiti ż-żgħar baqgħu jiksbu appoġġ negliġenti.
L-istess stħarriġ juri kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin (56.8%) jemmnu li l-Gvern qed jagħmel xogħol tajjeb, bl-Għawdxin jibqgħu fost dawk l-iktar sodisfatti bil-ħidma tal-Gvern.
In-nies huma wkoll ottimisti għall-ġejjieni, inkluż dwar il-qagħda ekonomika.
Saħansitra komplew jonqsu dawk li jemmnu li fi żmien li ġej l-affarijiet jistgħu imorru lura u mhux ’il quddiem u l-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li s-sitwazzjoni tagħhom u tal-pajjiż se tmur ’il quddiem.