Wara l-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela talab li nhar il-Ħamis li ġej jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija.
Il-Prim Ministru ħa din id-deċiżjoni wara li sema’ x-xewqa tal-imsieħba soċjali għal iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti u t-triq ‘il quddiem.
Il-Gvern qal li permezz tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jkompli għaddej bit-taħditiet mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija u unions oħra, u l-Prim Ministru se jkun qed jagħti aġġornament fattwali tas-sitwazzjoni lill-MCESD kollu nhar il-Ħamis li ġej.
Il-Gvern tenna li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija assolutament taħt kontroll u jassigura li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex, b’mod bilanċjat u matur, ikompli jissalvagwardja s-saħħa tal-poplu u l-għixien tan-nies bit-tisħiħ tal-ekonomija li minnha tiddependi l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.