Kmieni l-Erbgħa filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela sebaħ fl-Imtarfa fir-residenza Villino Maria. Residenza li tilqa’ fiha persuni b’diżabilità. Hawnhekk il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jkompli jiltaqa’ ma’ diversi ħaddiema li direttament jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-pandemija.
Fost diversi ħaddiema hemm dawk ta’ Aġenzija Sapport li wieħed u tletin minnhom qegħdin jaħdmu u jgħixu f’din ir-residenza minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Dawn il-ħaddiema joffru lill-klijenti tagħhom kwalità ta’ ħajja tajba sabiex jgħinuhom jgħixu ħajja indipendenti permezz ta’ programmi mfassla skont l-abbilitajiet tagħhom.
Apparti l-ħaddiema preżenti l-Prim Ministru sellem ukoll lill-klijenti fejn wieħed minnhom offra rigal lill-Prim Ministru bħala element simboliku ta’ kuraġġ f’dan il-mument.
F’San Vinċenz De Paul, Dr Abela kien milqugħ minn diversi residenti fil-gallariji u bosta bnadar ta’ Malta u oħrajn b’qawsalla fuqhom.
Il-Prim Minsitru tkellem mal-ħaddiema tal-isptar li jieħdu ħsieb madwar elf u mitt anzjan fi 33 sala differenti.
Dr Abela rringrazzjahom tas-sagrifiċċju li qegħdin joffru f’dan iż-żmien ta’sfida.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.