Illum tkompli l-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, COP27 f’Sharm El-Sheikh l-Eġittu, li għaliha qed jattendu bosta Mexxejja minn madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru Malti Dr Robert Abela jinsab fl-Eġittu wkoll hekk kif wasal hemm tard ilbieraħ filgħaxija wara li baqa’ sejjer mill-funeral tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, biex jindirizza dan is-Summit dinji.
Il-Prim Ministru Robert Abela mistenni jindirizza dan is-Summit aktar tard illum waranofsinhar.
Fuq twitter hekk kif wasal fl-Eġittu, il-Prim Ministru sostna li pajjiżna se jibqa’ kommess li jżomm mal-ftehim milħuq f’Pariġi biex iż-żieda tat-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs.
Arrived in Sharm El-Sheikh for #COP27. #Malta is committed to the Paris principles as well as our resolve to keep the 1.5-degree target alive. But now, collectively & globally, we must move beyond to take decisive action. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 7, 2022
Saħaq li flimkien bħala pajjiżi madwar id-dinja rridu nimxu ’l quddiem b’azzjonijiet deċiżivi.
Ilbieraħ fil-ftuħ tas-Summit kien hemm bosta dikjarazzjonijiet importanti biex id-dinja tieħu azzjoni kollettiva favur l-ambjent, qabel ikun tard.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li ninsabu fi triq lejn l-infern minħabba l-bidla fil-klima u saqajna qiegħda fuq il-gass.
Dan qalu f’tentattiv li jkompli jwissi dwar l-azzjonijiet tal-pajjiżi li qed ikomplu jgħarrqu d-dinja u jikkontribwixxu għat-tisħin globali b’aktar rimi t’emmissjonijiet.
Il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak, li wkoll indirizza s-Summit ilbieraħ, saħaq li l-gwerra fl-Ukrajna għandha tkun raġuni għaliex għandna nieħdu l-azzjonijiet neċċessarji biex jiġi indirizzat il-fenomenu tat-tibdil fil-klima.
Dan b’referenza wkoll għall-kriżi fl-enerġija li waslet lil pajjiżi fl-Ewropa biex iħaffu iżjed il-proċess favur enerġija alternattiva u rinovabbli li hi ħabiba iżjed tal-ambjent.
Illum ukoll mistenni jindirizza s-Summit, il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif fejn riċentament pajjiżu ntlaqat minn għargħar qawwi li qatel aktar minn elf u seba’ mitt persuna.
Il-President Amerikan Joe Biden mistenni jkun l-Eġittu aktar tard wara l-elezzjonijiet għall-Kungress Amerikan.
Fis-Summit tas-sena l-oħra fi Glasgow, kien intlaħaq qbil li jkun hemm fażi biex jieqaf l-użu tal-faħam filwaqt li sal-elfejn u tletin jieqaf il-qtugħ tas-siġar.
Intant illum il-Prim Ministru Malti Robert Abela għandu iżjed impenji apparti l-indirizz fil-COP27.
Huwa mistenni jindirizza laqgħat marbuta mas-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar temi oħra li jmissu mal-ambjent filwaqt li hemm pjanata laqgħa bilaterali.