Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ż-żewġ mini ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, twal disgħin metru, li saru b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro kkofinanzjati minn Fondi Ewropej.
B’erba’ korsiji li jgħaqqdu t-Triq tal-Barrani mat-Telgħa tal-Addolorata, dan il-proġett mistenni jara l-ħin tal-ivvjaġġar jonqos bi tletin fil-mija, fl-istess waqt li jtaffi t-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout ta’ qabel, li fiha kienu jiltaqa’ t-traffiku kollu.
Waqt din l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru qal kif dan il-proġett juri l-vizjoni ta’ Gvern li jwettaq dak li jwiegħed, u li huwa viċin in-nies.
Dr Abela qal li dan il-proġett qed iżid is-sigurtà fit-toroq fl-istess waqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, speċjalment dawk li jgħixu fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Qal kif, “Nemmen ħafna li wieħed mis-setturi biex intejbu l-kwalità tal-ħajja huwa ambjent aħjar. Biex ikollna ambjent aħjar, irridu naħdmu qatiegħ, fost oħrajn billi mmorru għall-electrification tal-flotta tal-vetturi tagħna minn dik tat-trasport pubbliku, kif ukoll ta’ vetturi private, inkomplu bit-trasport tal-massa. Dik hija l-viżjoni tagħna għat-trasport f’pajjiżna aktar fit-tul u imbagħad l-aħħar settur, settur ieħor li jista’ jikkontribiwxi biex naslu għat-targets ambjentali tagħna sal-2030 huwa dak tal-kostruzzjoni. Hemmhekk ukoll għandna fejn għandna potenzjal fejn nistgħu nnaqsu l-emissjonijiet u determinati li nħarsu ‘l quddiem b’pożittività biex inkomplu nagħmlu l-ġid għal dan il-pajjiż.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, qal kif dan il-proġett jikkumplimenta katina ta’ proġetti infrastrutturali oħrajn.
Spjega li, “Fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta saru diversi investimenti fid-disgħinijiet u anke meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, is-south kien bil-għatx għal dawn l-interventi u naħseb illi n-nies illi jgħaddu minn hawn jistgħu jgħidulhek kemm qed tħalli differenza fil-ħajja tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Fondi Ewropej qed jiġu investiti favur aktar aċċessibilità u inqas emissjonijiet.
Qal, ““Dan huwa proġett illi minnu madwar 18-il miljun ewro investiti f’dan il-proġett, illi se jkun qiegħed iħaffef u jnaqqas l-emissjonijiet għaliex it-traffiku jkun qiegħed jimxi b’mod aħjar.”
Dan il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri li hemm fil-viċin, sinjali tat-traffiku bid-dawl bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad lil Santa Luċija mal-Marsa.
L-aġenzija Infrastruttura Malta bniet ukoll subway ġdid għall-mixi u r-roti ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, b’rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibli għal kulħadd u kameras li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.