Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija db Group fl-Imrieħel. Uffiċini li saru b’investiment ta’ €1.2 miljun u li jkopru 1,700 metru kwadru ta’ art.
Permezz ta’ dan l-investiment sostanzjali f’dawn l-uffiċini, 100 ħaddiem tal-grupp illum qed jaħdmu fi spazju isbaħ u modern favur aktar effiċjenza u kwalità fuq il-post tax-xogħol.
Tul iż-żjara, Dr Abela akkumpanjat miċ-Chairman ta’ db Group, Silvio Debono, iltaqa’ mal-ħaddiema preżenti hekk kif irrimarkawlu l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ investiment li jkomplu jagħmlu kumpaniji Maltin.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-investiment kontinwu fl-operat u l-infrastruttura tal-kumpaniji f’pajjiżna hekk kif irrimarka li l-aġġornament maż-żminijiet jibqa’ kruċjali għas-sostenibbiltà tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna.
Intant, Dr Abela kellu ċ-ċans ukoll jitkellem mat-tmexxija tad-db Group, fejn hemmhekk ingħata rendikont tal-ħidma tal-grupp f’pajjiżna. Fost oħrajn ġie spjegat li 25 kumpanija lokali f’pajjiżna u li jħaddmu ħafna Maltin, ingħataw 25 kuntratt ta’ xogħol b’rabta mal-proġett tad-db f’San Ġiljan u li b’kollox jammontaw għal €265 miljun. Il-Grupp innota wkoll l-andament b’saħħtu fil-qasam turistiku ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ db Group Robert Debono, sostna kif il-grupp illum huwa mifrux f’diversi swieq lokali.