“Il-bidliet li qed inkomplu nġibu f’pajjiżna rridu nagħmluhom ukoll biex nibqgħu ngħollu l-livell tal-prodott turistiku.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta żar investiment ta’ €25 miljun f’lukanda ġdida f’San Ġiljan, fejn saħaq li rridu nibqgħu nħarsu lejn tkabbir li jkun sostenibbli b’viżjoni ċara għas-settur turistiku biex ikunu attirati lejn Malta turisti ta’ kwalità f’ambjent isbaħ u nadif f’pajjiżna.
Fiż-żjara fil-lukanda AC Hotel by Marriott, li bdiet tilqa’ l-ewwel turisti, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ li jġib ċertezza u stabbiltà anki fost dawk li qed jinvestu f’pajjiżna. Dan anki permezz tal-għajnuna kbira li qed tingħata fuq l-enerġija.
Huwa faħħar dan l-aħħar investiment fis-settur tal-ospitalità u rrimarka kif issa pajjiżna qed iħares lejn riżultati fit-turiżmu li jlaħħqu dawk ta’ qabel il-pandemija. Dan qalu f’kuntest li statistika uffiċjali wriet li l-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-aqwa wieħed fl-istorja għas-settur turistiku f’Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-ħidma li tindirizza l-isfida tal-istaġjonalità fit-turiżmu trid tkompli u tibqa’ tissaħħaħ biex l-andament pożittiv tat-turiżmu jibqa’ jinħass f’oqsma oħra f’Malta.
Fil-lukanda ta’ 106 kmamar u b’faċilitajiet mill-aqwa, fosthom pixxina fuq ġewwa u fuq barra, il-Prim Ministru, akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela, faħħar ir-reżiljenza u r-rieda qawwija tal-investituri u nnota l-fiduċja li qed ikomplu juru f’pajjiżna.
Qal li ma nistgħux nieqfu hawn u huwa għalhekk li l-Gvern se jibqa’ jinċentiva l-investiment anki fit-turiżmu. Hawn innota r-reviżjoni ’l fuq li għamlet il-Kummissjoni Ewropea riċentament għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u rrimarka kif l-istess istituzzjoni Ewropea saħqet li Malta għandha u se jibqa’ jkollha l-inqas rata ta’ qgħad.
Albert Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Baystreet, il-Grupp li jmexxi wkoll din il-lukanda, faħħar ħidmet il-ħaddiema li ħadmu fuq dan l-investiment tal-lukanda. Qal li huwa kburi bil-fatt li l-linja tal-lukandi msemmija, imferxa f’madwar 31 pajjiż, għandha preżenza wkoll f’Malta.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.