Mingħajr telf ta’ żmien, il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ppropona data u ħin għal laqgħa mal-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fl-inħawi tal-Magħtab u li lbieraħ filgħodu ħarġu jipprotestaw fi Triq il-Kosta minħabba pjani ta’ żvilupp fil-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-iskart.
Il-Prim Ministru ssorprenda lil kulħadd meta ddeċieda li jmur fuq il-post u jitkellem mal-persuni kollha involuti, waqt li laqa’ minnufih it-talba ta’ numru ta’ bdiewa biex issir laqgħa formali f’Kastilja.
“Nhar it-Tnejn l-ewwel ħaġa filgħodu,” kienet it-tweġiba spontanja ta’ Dr Abela.
Il-Prim Ministru mhux biss qagħad jitkellem mal-bdiewa fi Triq il-Kosta fejn kienu miġburin, iżda saħansitra rikeb f’vann magħhom biex waslu fuq il-post eżatt fejn il-bdiewa qed jilmentaw li se jkun affettwat bl-iżvilupp propost mill-Wasteserv.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li tkellem ma’ ONE, qal li l-ebda kumpens ma jista’ jtaffi r-rabja talbdiewa, iżda spjega li l-obbligu tal-Gvern hu li l-pajjiż ikollu pjan ħolistiku u fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart fl-interess tal-ambjent. Hu ħabbar ukoll li, fil-jiem li ġejjin, se jsiru laqgħat individwali oħrajn malbdiewa, residenti, kunsilli lokali, għaqdiet ambjentali u dawk kollha interessati biex jittrattaw iżjed is-suġġett.