Malta qed tħares ’il quddiem li taħdem ma’ Spanja, li se tassumi l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fit-tieni nofs tas-sena, biex taħdem mill-qrib dwar leġiżlazzjonijiet importanti li anki qed taħdem fuqhom il-Kummissjoni Ewropea marbuta mas-suq intern tal-Unjoni Ewropea fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u t-trasport.
Dan kien messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt indirizz lill-ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja wara laqgħa mal-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sánchez.
Il-Prim Ministru Sánchez qed iżur Malta fost diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Fost l-oqsma li rrimarka fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li huwa kruċjali li fil-qasam tal-farmaċewtika jkun hemm aċċess għall-mediċini għall-istati membri kollha, inkluż għal pajjiżi bħal Malta u dan qabel l-interessi ta’ korporazzjonijiet kbar.
Qal, “Ma jistax ikun li tletin sena wara li ġie mwaqqaf is-suq intern, għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti stati membri jibqgħu żvantaġġjati. Huwa meħtieġ li fl-istrateġija tal-farmaċewtika inpoġġu l-aċċess għall-mediċini, inkluż għall-pajjiżi bħal Malta, qabel l-interess ta’ kumpaniji kbar illi jipproduċu l-mediċina u ċertament qabel l-interess tal-profitti tagħhom. Meta nsemmi aċċess qed infisser id-disponibbiltà tal-mediċini kif ukoll il-prezz tagħhom. Lilna se ssibna ta’ spalla, Malta se tkun ta’ spalla kostanti tul il-Presidenza Spanjola.”
Dr Abela qal li dan japplika wkoll għas-settur tat-trasport fejn pajjiż ma għandux jiġi kkastigat minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu.
Dwar il-qasam tal-enerġija, Dr Abela enfasizza dwar l-importanza li l-Gvern jibqa’ jgħin lin-nies.
Stqarr, “Fil-qasam tal-enerġija għamilna dan fil-prattika fil-qasam tal-elettriku għinna lill-poplu u lin-negozji tagħna fl-iktar mumenti ta’ sfida. Tul dawn l-aħħar xhur u tul dawn l-aħħar snin kellna diversi minn dawk il-mumenti ta’ sfida importanti issa li nkomplu naħdmu biex riformi futuri jkomplu jibnu fuq dak li ksibna f’dawn l-aħħar xhur, filwaqt li jgħinu li nilħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tagħna.”
Dr Abela sostna wkoll l-importanza ta’ riformi b’saħħithom li jindirizzaw il-miri klimatiċi filwaqt li żied jgħid kif il-Gvern Malti ma jemminx fl-awsterità iżda f’politika tal-inċentiv favur qalbiet ħodor u diġitali.
Il-Prim Ministru Abela rrimarka li d-dixxiplina fiskali tibqa’ importanti, iżda qabel l-indikaturi ekonomiċi, jeħtieġ inpoġġu lin-nies.
Il-Prim Ministru qal ukoll li jħares ’il quddiem ukoll li waqt il-Presidenza Spanjola, jingħataw spinta il-leġiżlazzjonijiet importanti li anke qed taħdem fuqhom il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli.
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Malta u Spanja bħala żewġ pajjiżi Mediterranji huma vuċi b’saħħitha favur il-paċi quddiem il-gwerra fl-Ukrajna u sfidi li jġibu realtajiet iebsa bħal fis-Sirja u l-Libja fost oħrajn. Hawnhekk Dr Abela semma l-isfidi tal-migrazzjoni fil-Mediterran, fejn tenna li l-Presidenza Spanjola se tkun qed tmexxi ’l quddiem dan is-suġġett tant importanti.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jawgura lill-Prim Ministru Spanjol għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u qal li jħares ’il quddiem li jerġa’ jilqgħu f’pajjiżna aktar tard din is-sena fis-Summit tal-MED 9.
Qal, “Inħares ‘l quddiem li naħdmu flimkien f’dawn l-opqsma li semmejt u oħrajn. Sfidi ġodda m’għandix dubju li se jkollna t-tnejn li aħna mexxejna fl-aktar żminijiet diffiċli u l-isfidi bħal qishom jiġru warajna.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez qal li ż-żewġ pajjiżi rridu jibqgħu jwettqu r-riformi, fosthom dawk fil-qalba diġitali sabiex l-ekonomiji jibqgħu reżiljenti u kompettittivi.
Sánchez tenna li l-Presidenza Spanjola se tkun qed issir waqt żminijiet diffiċli, fosthom minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa u saħaq fuq l-importanza tal-għaqda fl-Unjoni Ewropea.
Stqarr, “L-effetti ta’ din il-gwerra qed juru li rridu nkunu magħqudin u rridu nkunu iżjed b’saħħitna però ma nistgħux nagħmlu dan weħidna irridu nikkonsolidaw l-istrateġiji tagħna u rridu li nikkonsolidaw is-saħħa. U nixtieq li nirringrazza lill-Gvern ta’ Malta.”
Tkellem ukoll dwar il-migrazzjoni, fejn sostna li bħala pajjiżi jridu jilħqu ftehim biex ikun hemm ftehim dwar dan is-suġġett fuq il-livell, fejn sostna fuq il-bilanċ bejn is-solidarjeta u r-responsabilita.
Hawnhekk huwa rringrazzja lill-Prim Ministru Malti Robert Abela sabiex flimkien ikomplu jtejbu l-kwalita tal-ħajja tal-poplu.