Il-Gvern se jkun qiegħed jaħtar inkjesta oħra biex tinvestiga l-inċident li wassal għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia fit-3 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz lin-nazzjon waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Abela sostna li dan il-mument sensittiv u diffiċli f’pajjiżna jeħtieġ kuraġġ u għaqda nazzjonali.
Il-Prim Ministru spjega kif aktar kmieni llum kien infurmat li l-Maġistrat Marseann Farrugia, responsabbli mill-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia, mill-ġdid talbet estensjoni oħra, biex b’hekk tkompli jtul l-eżitu ta’ din l-inkjesta.
Iżda mhux biss.
“Ġejt infurmat ftit tal-minuti ilu litteralment huwa li l-Maġistrat għadha u lanqas l-esperti tagħha għadhom ma semgħux ix-xhieda tal-familjari ta’ Jean Paul Sofia. Għalija din sitwazzjoni li mhijiex aċċettabli iżjed.”
Tenna li minkejja l-fatt li inkjesta maġisterjali hija l-iprem metodu biex issir ġustizzja, il-poplu jrid serħan il-moħħ li dawk responsabbli għal dan l-inċident, jaffaċċja ġustizzja.
Madankollu, minkejja l-appelli kontinwi biex dan isir, dan baqa’ ma sarx.
“Nixtieq inħabbar li se nkun qiegħed naħtar inkjesta skont l-att dwar l-inkejsti bħala President ta’ din l-inkjesta li se titwaqqaf taħt l-att dwar l-inkjesti se jkun jippersediha l-Imħallef Joseph Zammit Mckeon li bħalissa jokkuppa l-kariga ta’ Obdusman u ġie elett b’unanimità tal-kamra tar-rappreżentanti. Ikkomunikajt mal-Imħallef u aċċetta l-inkarigu li pproponejt lilu. Il-bord se jkun kompost minn tlieta min-nies. Miegħu fl-inkjesta se jkunu qed jassistuh lis-Sur Charles Deguara li huwa l-awditur ġenerali u li huwa wkoll maħtur fil-kariga tiegħu mill-kamra tar-rappreżentanti u jgawdi l-approvazzjoni u l-fiduċja tal-kamra tar-rappreżentanti u t-tielet membru fuq dan il-bord huwa l-espert tekniku tal-Qorti, il-Perit Mario Cassar.”
Dr Abela elenka wkoll il-prinċipji ġenerali ta’ din l-inkjesta.
“Se nelenka x’se jkunu l-prinċipji ġenerali. L-ewwel wieħed huwa li jkun hemm trasparenza assoluta fil-proċess kollu. It-tieni li jkun hemm skrutinju sħiħ u miftuħ fuq ir-responsabilità tal-entitajiet tal-awtoritajiet jew istituzzjonijiet oħra tal-gvern inkluż fuq kif ingħatat l-art jiġifieri trid tkun indaġni li tibda sa mil-ewwel mument u tibqa’ miexja ‘il quddiem. Kif ukoll indaġni fuq it-triq ‘il quddiem li għandha tarbel u tara r-regolamenti kollha li huma relatati maż-żamma tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni ”
Madankollu l-Prim Ministru baqa’ jappella biex l-inkjesta maġisterjali tintemm u l-Maġistrat responsabbli twassal ħalli dan isir.
Dr Abela wassal ukoll apoloġija b’mod primarju għall-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia fid-dawl tad-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu fl-aħħar xhur b’rabta ma’ dan il-każ.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dwar is-settur tal-kostruzzjoni diġà ttieħdu passi b’regoli ġodda li għandhom l-għan li jifirdu lil min huwa serju f’xogħlu għal dak li mhuwiex.
“Jekk hawn mingħalih li jien b’xi mod, se niddefendi lil min irid jaqla’ l-flus askapitu tas-saħħa jew ta’ ħajjet il-ħaddiem se jgħarralu bil-kbir u sejjer żball. Il-ġustizzja mhux biss trid issir, trid tidher ukoll li trid issir u nfakkar ukoll li ‘justice delayed is justice denied.’”
Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Gvern qed jasal għal din id-deċiżjoni għax dan huwa Gvern tal-poplu u Gvern tal-ħaddiem.
Huwa temm jgħid li flimkien bħala pajjiż, bħal fi sfidi oħrajn, se negħlbu din l-isfida.
“Dan Gvern li fl-eqqel ta’ pandemija kemm għalih is-saħħa tan-nies hija l-ewwel u nemmen illum li wasal iż-żmien li dan il-messaġġ nerġgħu nġedduh. Nagħlaq billi ngħid li nifhem l-importanza ta’ din l-isfida u kif minn kemm ilni Prim Ministru flimkien bħala pajjiż għelibna diversi sfidi. Flimkien bħala pajjiż negħlbu wkoll din l-isfida f’sens ta’ imħabba lejn pajjiżna u mħabba lejn min jgħix ġo fih.”